Id-Dwana ta’ Malta żiedet id-dħul tagħha bi €3.2 miljun meta Jannar tal-2018 tqabbel ma’ dak tas-sena li għaddiet.
B’kollox, matul din is-sena, id-Dwana daħlet €36.6 miljun.
Skont id-Dwana, dan kien riżultat ta’ diversi fatturi, fosthom it-tkabbir tal-ekonomija, żieda fil-konsum u titjib fl-effiċjenza u l-kontrolli mid-Dwana.
Iż-żieda fid-dħul ġiet irreġistrata permezz ta’ żieda ta’ €1,548,814 mis-Sisa, żieda ta’ €1,475,253 mill-VAT, żieda ta’ €51,449 mid-Dazju ta’ Importazzjoni u żieda ta’ €184,712 minn dħul ieħor.
Fi stqarrija, id-Dwana spjegat li minkejja li tul ż-żmien bidlet ħafna mill-funzjonijiet tagħha, baqgħet iżżomm pożizzjoni fiskali strateġika li tiżgura dħul adegwat kemm għall-Gvern u anke għall-Unjoni Ewropea.
Temmet tgħid li fix-xhur li ġejjin se tkun qed tinvesti aktar fil-ħaddiema tagħha u anke f’teknoloġija moderna.