Paradise Papers | Għada se jinkixfu aktar Maltin

Il-Paradise Papers titqies bħala estensjoni tar-riċerka li kienet saret bħala fil-Panama Papers

Għada, l-Istitut tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) se jkun qed jikxef aktar entitajiet u uffiċjali Maltin li huma involuti fil-Paradise Papers.

Il-Paradise Papers titqies bħala estensjoni tar-riċerka li kienet saret bħala fil-Panama Papers u li ffukkat fuq aktar minn 13-il dokument ġdid.

Dawn juri kif sinjuruni kbar jagħżlu li jinvestu flushom f’pajjiżi meqjusa tax havens bil-għan li jiffrankaw it-taxxa.

Skont dak ippubblikat fuq is-sit tal-ICIJ, l-informazzjoni l-ġdida ħarġet minn tliet reġistri korporattivi, fosthom Malta, il-Gżejjer Cook u Samoa.

L-ICIJ jisħaq li t-tliet ġurisdizzjonijiet ġew ikklassifikati fost l-aktar pajjiżi fid-dinja li għandhom segretezza finanzjarja.

Dwar Malta, l-Istitut jisħaq li Malta għandha reġistru onlajn li iżda ma jagħtix il-possibbilitá li wieħed ifittex id-diretturi jew inkella s-shareholders.

Skont l-ICIJ, din l-informazzjoni hija kruċjali biex wieħed ikun jista’ jikxef konnessjonijiet li jista’ jkun hemm ma’ kumpaniji offshore.

Minkejja li Malta mhux imniżżla fl-ebda lista tal-pajjiżi meqjusa tax havens, l-ICIJ jgħid li Malta hija meqjusa bħala waħda “mit-tax havens tal-Unjoni Ewropea.”

Skont is-sit, għada se jinkixfu aktar minn 85,000 entità u aktar minn 110,000 uffiċjal ġdid.

More in Politika