Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun kontra l-estensjoni ta' fabbriki f'Bulebel

Jekk l-iżvilupp issir se jkun qed jeqred 120,000 metru kwadru ta’ art agrikola 

Illejla waqt il-laqgħa pubblika annwali tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun, is-Sindku Abela Maria Dolores qalet li l-Kunsill bagħat ittra lill-Prim Ministru u lill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona li hu inkarigat mill-Malta Industrial Parks, illi fiha qed jitlob li l-iżvilupp propost ġewwa ż-żona ta' Bulebel ma jsirx, dan minħabba l-importanza tal-art agrikola u l-istorja rikka taż-żona inkwistjoni.

Kienet il-gazzetta ILLUM li niżlet iż-Żejtun u ltaqgħet ma’ għadd ta’ bdiewa li riedu jsemmgħu leħinhom dwar l-iżvilupp propost ġewwa Bulebel. Żvilupp li jekk issir jeqred medda kbira ta’ art agrikola li huma stess ilhom snin jaħdmu. Matul il-ġimgħa li għaddiet l-artiklu u l-filmat li tella’ fuq is-sit illum.com.mt rawh mal-50,000 persuna, bil-maġġoranza tas-segwaċi jagħtu appoġġ kbir lill-kawża tal-bdiewa Żwieten.

 

Iktar kmieni illum, il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern sabiex ibiddel id-deċiżjoni tiegħu dwar l-estensjoni tal-qasam industrijali ta' Bulebel u jeqred 120,000 metru kwadru ta' art b'valur agrikolu, storiku u bijoloġiku.

Din il-gazzetta intervistat ukoll lill-Ruben Abela, l-President tal-Għaqda Wirt iż-Żejtun, l-istess għaqda li nediet il-kampanja sabiex 120,000 metru kwadru ta’ art agrikola tiskansa l-iżvilupp.

More in Politika