"Id-dritt tal-azzjoni industrijali jinsab taħt theddida" - FOR.U.M.

Jisħaq li dan mhux qed iwassal għal klima industrijali b’saħħitha.

Il-Forum Unjins Maltin wera t-tħassib tiegħu għax fi kliemu d-dritt li l-ħaddiem jieħu azzjoni industrijali jinsab taħt theddida.

Fi sqtarrija, il-FOR.U.M. għamel referenza għall-aħħar każijiet fejn fi kliemu, id-dritt għall-azzjoni industrijali qed ikun mhedded b’azzjonijiet fil-Qorti u mhux skont dak stabbilit fl-Att dwar l-Impjieg u r-Relazzjonijiet Industrijali.

Dwar mandati ta’ inibizzjoni, li tressqu fil-Qorti, bil-għan li jitwaqqfu strajks, il-FOR.U.M. qal li dawn mhux se jwaqqfu d-diżgwit iżda se jtawwlu l-proċess.

“F’Malta wieħed jippreferi d-diżgwit milli l-konċiljazzjoni u l-medjazzjoni,” tisħaq l-istqarrija.

Waqt li rrefera għall-każ tal-MCAST, insista li huma l-għalliema u l-istudenti l-aktar li qed ibatu.

Saħaq li wara li l-MCAST waqqa’ l-mandat ta’ inibizzjoni, kontra l-istrajk ordnat mill-MUT, ma kienx hemm dubju li dan kien tressaq bil-għan li jwaqqaf azzjoni industrijali li hija dritt tal-ħaddiem.

“Tal-mistħija li waħda mill-istituzzjonijiet ewlenija f’Malta tuża tattiċi simili biex iċċaħħad l-impjegati tagħha mid-drittijiet tagħhom,” tkompli l-istqarrija.

Ittemm tgħid li dan mhux qed iwassal għal klima industrijali b’saħħitha.

More in Politika