Mintoff, Karin Grech u Raymond Caruana jisbħu ħdejn Daphne

Illejla, in-Network tas-Soċjetà Ċivili se tkun qed torganizza velja quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir fis-6:30pm 

Matul il-lejl li għadda, xi ħadd poġġa ritratti tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff, Karin Grech u Raymond Caruana maġenb ir-ritratt ta' Daphne Caruana Galizia fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir.

Bħalissa l-Monument tal-Assedju jinsab f'qalba ta' kontroversja wara li Kunsillier Laburista fil-Belt Valletta, Ray Azzopardi, ressaq mozjoni quddiem il-Kunsill Lokali biex il-monument "jitnaddaf."

Ilbieraħ, mal-ILLUM.COM.MT,  il-Kunsillier Laburist Norman Shaw qal li ma jaqbel xejn mal-mozzjoni ta' Azzopardi u li s-Sindku ma jmissu qatt aċċettaha.

Il-Kunsill tal-Belt iddiskuta l-mozzjoni waqt laqgħa taħraq li saret nhar it-Tlieta u li għaliha attendew għadd ta' persuni, fosthom l-armel ta' Caruana Galizia. F'ħin minnhom kien hemm persuni li kellhom jinħarġu mis-sala.

Bħalissa, in-Network tas-Soċjetà Ċivili jinsab fi proċess li jlesti applikazzjoni biex jitwaqqaf monument għal Caruana Galizia.

Iċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef kien qal li se jkun qed jopponi kull tentattiv biex il-Monument tal-Assedju l-Kbir jiġi rikonoxxut ukoll bħala Monument għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Illejla, in-Network tas-Soċjetà Ċivili se tkun qed torganizza velja quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir fis-6:30pm f’għeluq l-erba’ xhur mill-isplużjoni li qatlet lil Caruana Galizia.

 

More in Politika