'Jumejn jew inqas ta’ ilma f’każ ta’ kriżi'

L-Idrologu Marco Cremona jinsisti minkejja stqarrija ppublikata l-ġimgħa l-oħra tal-WSC li tgħid il-kontra ....

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) qed tisħaq li Malta għandha kapaċità li tlaħħaq mad-domanda tal-ilma f’kull eventwalità, iżda l-idrologu Marco Cremona insista mal-ILLUM li l-Korporazzjoni mhux qed tieħu inkonsiderazzjoni inċidenti jistgħu jwasslu biex id-djar Maltin jispiċċaw bla ilma fil-vit.

Il-kwistjoni kollha qamet wara flyer li tqassam minn ‘think thank’ u  li skont il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma kien ippubblikat mill-Malta Water Association. Skont il-flyer, f’każ ta’ ħsara fl-impjant tar-reverse osmosis, ir-riserva tal-ilma hija biss ta’ jumejn.

Iżda ma’ din il-gazzetta, Marco Cremona saħaq li l-fuljett ġie ppubblikat minn grupp ta’ studenti universitarji, li ħadmu fuq proġett biex iqajmu kuxjenza dwar il-konservazzjoni tal-ilma u talbu lill-Malta Water Association biex jgħinuhom.

L-Idrologu Marco Cremona
L-Idrologu Marco Cremona

Għalkemm il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tisħaq li l-informazzjoni mogħtija fil-fuljett hija skorretta u tista’ twassal biex jinħoloq allarm fost il-pubbliku, Marco Cremona qed jibqa’ jinsisti li f’każ li l-impjanti tar-reverse osmosis jiefqu jaħdmu, Malta tista’ biss tipprovdi provvista tal-ilma għal jumejn u anke inqas.

L-idrologu qal ukoll li din l-informazzjoni hija kkonfermata f’diversi dokumenti uffiċjali fosthom fil-Malta Water Resource Review tal-2006 u aktar riċentament fl-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima.

Minkejja dan, skont il-Korporazzjoni filwaqt li huwa vera li f’Malta hawn nuqqas ta’ riżorsi naturali tal-ilma, bħall-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Mediterran, investimenti li saru fuq medda ta’ snin wasslu biex Malta tkun lesta għal kull eventwalità, tant li skontha, il-WSC kapaċi tigarantixxi b’aktar minn xahar forniment ta’ ilma. Filfatt tkompli tispjega kif f’każ li jkun hemm ħsara fl-akbar impjant minn tlieta, dan il-perjodu ta’ żmien huwa “ferm aktar minn biżżejjed biex isiru t-tiswijiet neċessarji.”

Fi kliemha, f’każ remot ta’ ħsarat fis-sistema kollha ta’ impjant sħiħ, iż-żewġ faċilitajiet l-oħra jagħmlu tajjeb u jinżamm livell għoli ta’ produzzjoni.

“Il-WSC ma ħaditx inkonsiderazzjoni x-xenarji kollha”

Madanakollu, ma’ din il-gazzetta, l-idrologu Marco Cremona saħaq li l-Korporazzjoni mhux qed tieħu inkonsiderazzjoni inċidenti li jistgħu jwaqqfu l-impjanti kollha. Staqsa x’jiġri f’każ li jinqata’ d-dawl mal-pajjiż kollu, att terroristiku jew inkella tixrid ta’ żejt fil-baħar li jaffettwa lit-tliet impjanti.

F’intervista oħra li kien ta lil din il-gazzetta, f’Awwissu tal-2017, Cremona kien fakkar f’avveniment li seta’ waqqaf għalkollox l-impjanti tar-Reverse Osmosis.

Cremona fakkar kif fl-eqqel tar-rivoluzzoni Libjana, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Lawrence Gonzi, kien irrifjuta li jagħti lura żewġ ajruplani maħrubin mil-Libja bl-awtoritajiet Libjani jheddu li jisplodu viċin Malta vapur li kien fih 250,000 barmil ta’ gażolina.

L-għan ta’ dan l-attakk, skont Cremona, kien li jwaqqaf għalkollox l-impjanti tar-reverse osmosis.

“Dan kien ifisser li Malta kienet tbati minn konsegwenzi koroh ta’ nuqqas gravi ta’ ilma,” kienet saħaq Cremona.

Filwaqt li wera d-dubji tiegħu dwar l-istqarrija tal-Korporazzjoni, li kapaċi tiggarantixxi b’aktar minn xahar forniment ta’ ilma, Cremona insista li mhux possibbli tiggarantixxi l-provvista tal-ilma f’kull eventwalità.

Fil-ħarġa tal-gazzetta ta’ nhar il-Ħadd 14 ta’ Awwissu 2016, l-eks Assistent Direttur fid-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent fil-MEPA Alfred Baldacchino kien qal li “Malta riesqa lejn diżastru ekoloġiku u xitwa oħra xotta se jkollha riperkussjonijiet kbar fuq pajjiżna għax se tgħaġġel il-proċess li bih jispiċċa l-ilma, qed imutu s-siġar l-agrikoltura qed tmut u l-għelieqi jitħallew żdingati. Resqin lejn deżert bla ilma.”

Marco Cremona kemm-il darba wissa dwar ippompjar tal-ilma tal-pjan “bil-goff” u ddeskriva l-istqarrija ta’ Baldacchino dwar deżertifikazzjoni bħala ‘reali mhux sensazzjonali’.

More in Politika