Jiżdiedu l-Maltin li jisseparaw l-iskart imma jonqos ir-riċiklaġġ

Fl-2016, l-iskart iġġenerat żdied bi kważi żewġ miljun tunellata

Matul l-2016, it-trattament tal-iskart naqas b’10.5%. Dan seħħ l-aktar minħabba tnaqqis ta’ ftit iżjed minn 207,470 tunellati (42.4%) ta’ skart riċiklat, speċjalment dak li joriġina mill-industrija tal-kostruzzjoni u l-iskavar.

Madanakollu, l-istess statistika ppubblikata mill-NSO turi li, meta mqabbel mal-2015, żdied b’14.7% l-iskart separat miġbur mid-djar, fosthom il-ħġieġ u dak mormi fil-borża l-griża jew il-ħadra. Mill-banda l-oħra kompla jonqos l-iskart mormi fil-bring-in sites b’4.7%.

L-istastika, ibbażata fuq informazzjoni tal-WasteServe Malta u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, turi kif l-iskart iġġenerat f’Malta żdied b’5.7% għal ftit inqas minn żewġ miljun tunellati. Dan l-aktar minħabba ż-żieda ta’ 176% fi skart perikoluż.

Matul l-istess sena żdied l-iskart li daħal fl-impjant tal-Għallis u dak li ħareġ mill-impjant ta’ Sant’Antnin.

L-istess statistika turi wkoll li matul l-2016, iċ-ċentri għar-rimi ta’ skart goff (civic amenity sites) irreġistraw żieda ta’ 2,443 tunellata.

“II-problema tal-iskart qed tikber u l-immaniġġjar sejjer lura” - PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li 40% tnaqqis fl-iskart riċiklat juri “n-nuqqas ta' rieda u l-inkompetenza tal-Gvern li jitratta b'mod serju l-qasam ambjentali, inkluż l-immaniġġjar tal-iskart.”

Kompla jgħid kif minkejja li l-Gvern żied il-ħaddiem fil-Wasteserv “b’mod qawwi,” il-problema tal-iskart qed tikber u l-immaniġġjar sejjer lura.

“Dan deher ċar fl-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant' Antnin fejn minkejja li rdoppjaw il-ħaddiema dan xorta ħa n-nar darbtejn,” saħaq il-Partit Nazzjonalista.

Wissa li “l-inkompetenza u n-nuqqas ta' rieda tal-Gvern tista' twassal biex l-engineered landfills jimtlew aktar malajr milli kif oriġinarjament ippjanat.”

Temm jgħid n-nuqqas ta’ rieda se tintuża bħala skuża mill-Gvern biex isir l-inċineratur fl-Għallis.

More in Politika