L-għaqda ambjentali Flimkien għall-Ambjent Aħjar (FAA) bdiet petizzjoni biex ġnien ta' 250 sena li qed tinsisti li huwa skedat u allura protett, ma jinqeridx biex jagħmel aktar spazju għal appartamenti. Fħapplikazzjoni ta' żvilupp qed ikun propost li minflok dan il-ġnien jinbnew tliet blokok ta' appartamenti ta' ħames sulari kull wieħed. Dan l-iżvilupp, jekk approvat, jeqred 80% tal-ġnien, tfakkar il-FAA.
FAA tispjega kif il-ġnien huwa parti mill-palazz ta' stil Barokk (Palazzo Giannin) u li huwa wieħed mill-postijiet ewlenin ta' interess f'din il-lokalità fin-nofsinhar ta' Malta.
FAA qed tinsisti li l-iżvilupp propost imur kontra l-Pjani Lokali, u li fl-ebda ċirkostanza ma jista' jkun meqjus bħala sensittiv jew skont il-karattru taż-żona.
"Jekk approvat, dan l-iżvilupp jneħħi s-sens kollu tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tipproteġi l-istess ġnien lura fl-2013. Il-bini li huwa parti mill-wirt storiku u ż-żoni ta' ħdura huma essenzjali għas-saħħa mentali u fiżika tagħna u jeħtieġ ikunu protetti," ttemm tgħid il-FAA.