Maniġer mara? Probabilment le...Inqas nisa minn irġiel ifittxu xogħol maniġerjali
L-irġiel li jridu xogħol maniġerjali jaqbeż id-doppju tan-nisa... imma għalfejn? Għax in-nisa ma jridux? Għax ma jistgħux? L-illum.com.mt jevalwa u jistaqsi..
minn Liam Carter
Ċifri li ġew ippubblikati din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), juru li numerikament f’Malta teżisti diskrepanza bejn in-nisa u l-irġiel li jfittxu xogħol maniġerjali u dak professjonali. Dan għaliex skont iċ-ċifri provduti għal Jannar tal-2018 kien hemm 71 mara biss li rreġistraw għal dawn l-impjiegi. L-istess informazzjoni turi li kien hemm 255 raġel li rreġistra għal xogħol ta’ maniġer jew kariga professjonali.
Fuq nota differenti, għat-tieni sena konsekuttiva ma kien hemm l-ebda mara li rreġistrat sabiex taħdem fis-settur tal-agrikoltura u sajd.
L-irġiel li fittxu dan it-tip ta’ xogħol naqas bin-nofs meta mqabbel ma’ Jannar tas-sena 2017, hekk kif kienu 62 persuna li rreġistraw għal dan it-tip ta’ xogħol meta mqabbel mal-122 li rreġistraw f’Jannar 2017.
Apparti minn hekk, ix-xogħol klerikali baqa’ l-aktar xogħol imfittex mill-irġiel u n-nisa, b'18.7 % u b’35.8 % rispettivament.
Fuq nota pożittiva wkoll, in-numru ta’ persuni b'diżabbilità li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f’Jannar li għadda, naqas b'35 persuna meta mqabbel mas-sena ta' qabel li kien jilħaq mal-284 persuna. Skont l-istess informazzjoni l-irġiel jammontaw għal 78.2% ta’ dawk kollha li qed jirreġistraw u li għandhom forma ta’ diżabbilità.
Apparti minn hekk ir-rapport tal-NSO juri li f’Jannar li għadda Malta kien hawn 2,000 persuna biss tirreġistra għax-xogħol.
Meta mqabbel ma' Jannar tas-sena l-oħra, kien hemm tnaqqis fil-qgħad ta' aktar minn 889
Intant l-ILLUM staqsiet lill-żewġ deputati nisa fil-Parlament għalfejn jaħsbu li teżisti diskrepanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward ta’ xogħol maniġerjali u professjonali u jekk fil-futur jixtiqux jaraw lil Malta timxi fil-passi ta’ pajjiżi oħra bl-introduzzjoni ta’ kwoti u leġislazzjoni oħra f’dan ir-rigward.
Cutajar favur kwoti fuq il-post tax-xogħol
“Żgur u mhux forsi li din l-istatistika ma tirriflettix n-nuqqas ta’ ħiliet u kapaċitajiet tan-nisa. Fil-fatt f’pajjiżna għandna aktar nisa li jiggradwaw minn irġiel,” sostniet id-deputata Laburista Rosianne Cutajar mal-ILLUM
Minkejja dan skont Cutajar, “sfortunatament għandna nisa li ma jaċċettawx pożiżżjonijiet manigerjali minħabba responsabiltajiet familjali.” Hi kompliet tispjega kif skontha “l-kultura Maltija għadha titfa’ prinċipalment r-responsabbilità tal-familja fuq il-mara u għalhekk dan “iwassal biex in-nisa jaspiraw anqas mill-kollegi tagħhom irgiel li jokkupaw karigi għoljin jew manigerjali fuq il-post tax-xogħol, liema karigi jġorru ħafna drabi magħhom ħinijiet itwal ta’ xogħol.”
Cutajar spjegat ma’ din il-gazzetta kif ħafna min-nisa jaħdmu ‘part-time’ jew ‘reduced hours’ u allura dik iċċaħħadhom milli potenzjalment jingħataw opportunità li biha jkomplu jiprogressaw fil-karriera u fuq il-post tax-xogħol. “Hija ħasra li l-istat jinvesti fl-edukazzjoni u għalkemm jigradwaw aktar nisa minn irgiel għadek issib nisa li mhux jagħtu kontribut ekonomiku u jaqsmu l-għarfien tagħhom fis-soċjetà tagħna,” saħqet Cutajar.
Mistoqsija jekk taqbilx ma’ kwoti fuq il-post tax-xogħol, Cutajar wieġbet fil-pożittiv. “Bħalma naqbel mal-kwoti temporanji sabiex ikollna rappreżenża femminili akbar fil-politika, naqbel li wasal iż-żmien li ninkludu l-kwoti fuq il post tax-xogħol ġaladarba għandna sitwazzjoni li ma tirrapreżentax iż-żewg sessi f’dak il għandu x’jaqsam ma’ postijiet maniġerjali.”
L-isfidi tal-mara biex tokkupa karigi maniġerjali huma kulturali
“Fis-soċjetà kontemporanja li ngħixu fiha, fejn hawn ferm aktar għarfien u avvanzi dwar drittijiet soċjali, il-gender gap tibqa' sfida kbira anke f’pajjiżna ”sostniet id-Deputata Kristy Debono mal-ILLUM.
Id-deputata Nazzjonalista kompliet tgħid kif “sabiex tiġi miġġielda din id-diskriminazzjoni b'mod effettiv, jeħtieġ li aktar nisa jokkupaw pożizzjonijet maniġerjali fuq il-post tax-xogħol.”
“Skont l-aħħar ċifri tal-World Economic Forum, juru li fl-aħħar erba' snin, pajjiżna waqa' b'41 post fir-rankings dwar in-nisa fir-rwol ta' deċiżjoni, biex issa jinsab fl-agħar pożizzjoni li qatt okkupa tal-121 post. Nemmen li filwaqt li n-nisa qegħdin javvanzaw fil-karriera b'rata tajba, l-isfidi jikbru aktar ma joqorbu biex jokkupaw l-ogħla pożizzjonijet fil-piramida strutturali tal-kumpanija rispettiva li fiha jaħdmu”, saħqet Debono.
Skont Debono l-akbar sfidi ġejjin minħabba l-fatt li “il-bidla kulturali fis-soċjetà tagħna biex naċċettaw nisa fl-ogħla pożizzjonijiet, biex jimmaniġjaw kemm nisa oħra u anke irġiel, qiegħda tinbidel iżda b'rata anqas mgħaġġla milli wieħed jistenna. Għad hawn element ta' intimidazzjoni b'mara li tokkupa kariga maniġerjali speċjalment f'kumpaniji tradizzjonali,” saħqet Debono.
“Sfortunatament teżisti r-realtà li l-impjegatur jippreferi jimpjega raġel biex jelimina kull risku li l-impjegata mara, li tkun qed tokkupa rwol maniġerjali, ikun jeħtieġ li anke b'mod temporanja tbiddel il-metodu tax-xogħol tagħha fiż-żmien bikri tat-trobbija tat-tfal. Apparti minn hekk irwoli maniġerjali jirrekjedu sigħat twal fuq il-post tax-xogħol u allura jeħtieġu support system tajba ħafna għal mara li tkun qed tipprova tibbalanċja l-ħin tagħha bejn ix-xogħol u l-familja.”
Għall-mistoqsija tal-gazzetta ILLUM jekk hi hix favur jew kontra l-kwoti impost fuq il-post tyax-xogħol, Debono saħqet li “l-kwota fuq maniġers u diretturi, jistgħu jwasslu biex iġiegħlu lill-impjegatur iħossu komdu li qed jagħmel il-parti tiegħu billi jingaġġa nisa f'dawn l-irwoli, skont kif jitolbu l-kwoti determinati, però xorta waħda l-aktar rwol sinifikanti u b'poteri eżekuttivi jibqa' jitħalla f'idejn l-irġiel.”
“Nemmen għaldaqstant li l-isfidi tal-mara biex tokkupa karigi maniġerjali huma kulturali, strateġiċi u operazzjonali. Jeħtieġ ir-rieda t-tajba tal-politiċi biex negħlbu dawn l-isfidi u niffaċilitaw kif ukoll l-impjegat sabiex verament innaqqsu din il-gender gap,” sostniet Debono.