Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddefenda l-irwol li ngħata l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti, bħala konsulent tas-Segretarju Parlamentari Chris Agius, li taħtu jaqa’ s-settur tal-proprjetà.
F’kummenti lil MaltaToday, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Sandro Chetcuti se jkun qed jagħti pariri lil Gvern iżda se jkun il-Gvern li jiddeċiedi jaċċettax il-pariri jew le.
Mistoqsi kif jiġġustifika l-ħatra ta’ persuna li għandha interess fis-settur tal-proprjetà, bħala konsulent tal-Gvern fuq l-istess qasam, Muscat saħaq li Sandro Chetcuti “għandu insight ta’ settur li huwa importanti.”
Il-Prim Ministru saħaq li l-irwol tiegħu huwa wieħed pubbliku u mhux qiegħed jagħmlu bil-moħbi l-istess kif inhu l-irwol tiegħu fl-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi.
Mistoqsi wkoll jekk il-Gvern hux qed iħallas grupp b’interessi fis-settur tal-proprjetà biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet u l-liġijiet, il-Prim Ministru qal li kienet tkun problema kieku kien il-grupp li qed iħallas lil min jieħu d-deċiżjonijiet.
Sandro Chetcuti kien insista li ma għandu l-ebda kunflitt ta’ interess fl-irwol tiegħu fis-Segretarjat Parlamentari ta’ Chris Agius.
Huwa qed jitħallas €19,000 fis-sena għal dan l-irwol.