Il-Qorti tiddeċiedi li d-dokumenti tal-PN jistgħu jintużaw bħala evidenza

Fost id-dokumenti hemm transcipt li juri lill-Maġistrat Mizzi jargumenta li t-talba tal-Partit Nazzjonalista, biex jirrikuża ruħu, hija “irritanti”

Il-Qorti ma aċċettatx it-talba biex ma jintużawx ċertu dokumenti li l-Partit Nazzjonalista qed juża bħala evidenza, fil-każ kostituzzjonali li fih qed jisħaq li nkisirlu d-dritt għal smigħ xieraq, meta l-Maġistrat Antonio Mizzi rrifjuta li jirrikuża ruħu.

Il-Maġistrat Mizzi huwa r-raġel tal-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Maġistrat Mizzi għandu kunflitt ta’ interess jekk ikompli jisma’ l-appell li ressqu l-Prim Ministru u sitt persuni oħra, kontra d-deċiżjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia biex tinfetaħ inkjesta dwar l-involviment tagħhom fil-Panama Papers.

Meta ddeċieda li jkompli jisma’ l-każ, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni kien fetaħ każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali bil-għan li jinħatar Maġistrat ieħor biex jisma’ dawn l-appelli.

Fost affarijiet oħra, l-Avukat Jason Azzopardi kien insista li fost id-dokumenti hemm transcipt li juri lill-Maġistrat Mizzi jargumenta li t-talba tal-Partit Nazzjonalista, biex jirrikuża ruħu, hija “irritanti.” Dokumenti oħra jagħmlu parti mill-inkjesta dwar il-Panama Papers u anke kummenti politiċi li għaddiet l-Ewroparlamenti Laburista Marlene Mizzi, dwar il-Panama Papers.

L-Avukati Mark Vassallo u Aaron Mifsud Bonnici, min-naħa tagħhom, kienu saħqu li d-dokumenti li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista mhumiex ammissibbli għax huma parti minn inkjesta maġisterjali.

Minkejja dan, Azzopardi kien saħaq li dak li qed jgħidu dawn l-avukati huwa “frivolu” u qed jippruvaw igerfxu l-affarijiet apposta.

Illum, il-Maġistrat Joseph Zammit Mackeon iddikjara li dawn id-dokumenti jistgħu jintużaw bħala evidenza.

 

More in Politika