Malta b’rata ta’ qgħad anqas minn dik tal-Ġermanja

Din hija l-inqas rata ta’ qgħad għal Malta li qatt ġiet osservata minn meta bdiet tiġi miġbura din l-istatistika fis-sena 2000

 

Skont ċifri tal-Eurostat f'Jannar ir-rata ta’ qgħad f’Malta kienet ta’ 3.5%. Għal Malta, din hija l-inqas rata ta’ qgħad li qatt ġiet osservata minn meta bdiet tiġi miġbura din l-istatistika fis-sena 2000.

Skont sqarrija mill-Gvern, fl-ewwel xahar, wara l-bidla fit-tmexxija fl-2013, pajjiżna kellu rata ta’ qgħad ta’ 6.5%, jew 1.2% aktar mill-pajjiż fiż-żona ewro bl-anqas rata ta’ qgħad. Fil-fatt, dakinhar il-Ġermanja r-rata ta’ qgħad ta’ 5.3%.

B’kuntrast, illum pajjiżna għandu rata ta’ 3.5%, jew 0.1% inqas mill-Ġermanja. Dan ifisser li filwaqt li l-Ġermanja f’dawn l-aħħar snin naqset ir-rata ta’ qgħad b’1.7%, f’Malta t-tnaqqis kien ta’ 3%, jew kważi d-doppju tat-tnaqqis li kien hemm fil-Ġermanja. 

Mill-2013 l'hawn għall-19-il darba  pajjiżna kiseb rekord ġdid fejn tidħol rata baxxa ta’ qgħad. Sal-bidu tal-2013 l-inqas rata ta’ qgħad osservata f’pajjiżna kienet 5.8%. Dan ir-rekord tniżżel darbtejn fl-2014, ħames darbiet fl-2015, seba’ darbiet fl-2016, erba’ darbiet fl-2017, u darba fl-2018.

Bejn l-2008 u l-2012 bħala medja r-rata ta’ qgħad f’pajjiżna kienet tlaħħaq is-6.5%, jew tliet punti perċentawli aktar mir-rata preżenti. Fit-tmiem l-2010 kienet saħansitra ntlaħqet rata ta’ qgħad ta’ 7%, jew id-doppju tar-rata preżenti. Qabel il-bidla fil-Gvern, skont il-Eurostat, kien hemm kważi 5,000 aktar persuna jfittxu xogħol milli hawn illum.

 

More in Politika