F'sena waħda jiżdiedu b'400 l-vetturi li jaħdmu bl-elettriku

Sal-aħħar tas-sena li għaddiet f'Malta kien hawn total ta' 1,356 vettura li taħdem bl-elettriku

Sal-aħħar tas-sena li għaddiet, f’Malta kien hawn 1061 karozza u 295 mutur li jaħdmu bl-elettriku.

F’sena waħda biss, bejn l-2016 u l-2017, il-vetturi li jaħdmu bl-elettriku żdiedu bi kważi 400.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg bi tweġiba għad-Deputat Parlamentari Toni Bezzina.

Skont il-lista, bejn l-2013 u l-2017, żdiedu b’aktar minn 900 il-vetturi fit-toroq Maltin li jaħdmu bl-elettriku.

Jidher li kull sena, tul dawn l-aħħar ħames snin, il-vetturi li jaħdmu bl-elettriku baqgħu dejem jiżdiedu.

Il-Prim Ministru kien qal li l-mira tal-Gvern hi li fis-snin li ġejjin, il-karozzi kollha f’Malta jkunu jaħdmu bl-elettriku jew sorsi oħra nodfa.

Il-Ministri Ian Borg kien ħabbar ukoll numru ta’ skemi għal dawk kollha li jneħħu vettura qadima biex idaħħlu waħda aktar ġdida li tniġġes inqas, speċjalment jekk il-karozza tkun taħdem bl-elettriku.

Fost dawn, ġie allokat fond ta’ €1 miljun disponibbli għal dawk li jiskrappjaw vetturi antiki biex jixtru karozzi privati ġodda li jaqgħu taħt il-kategorija M1, fosthom hybrids.

More in Politika