Bandiera bajda għal Wied iż-Żurrieq...

Malta saret l-ewwel gżira fid-dinja li ngħatat il-White Flag li bis-saħħa ta’ hekk se jkun qed jiġi mnaddaf il-qiegħ tal-baħar ta’ Wied iż-Żurrieq

Malta saret l-ewwel gżira fid-dinja li ngħatat il-White Flag li bis-saħħa ta’ hekk se jkun qed jiġi mnaddaf il-qiegħ tal-baħar ta’ Wied iż-Żurrieq biex jitneħħa l-iskart u l-plastic mormi fil-baħar.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil Fil-Klima, José Herrera, qal li n-nomina ta’ dan is-sit, bħala White Flag Beach, għandha rwol importanti fil-ħidma biex jiġi protett l-ambjent marittimu.

Il-Ministru qal li Malta diġà ħabbret li matul din is-sena ser tinnomina 30% tal-ilmijiet tagħha bħala Żoni Marittimi Protetti biex ikunu protetti l-għerien u s-sikek, kif ukoll li sal-2020 se jiġu żviluppati pjanijiet ta’ immaniġġjar għal 14-il żona marittima protetta li jkopru madwar 3,487 kilometri kwadru.

Temm jirringrazzja lill-Prinċep Albert ta’ Monaco u lill-Kap Eżekuttiv tal-WhiteFlag International li estendew l-opportunità għal  Malta.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella qal li l-għaddasa li jagħmlu ċert li Malta jistħoqqilha din il-White Flag huma ta’ kontribuzzjoni siewja ħafna għal ibħra u kosta aktar nodfa kemm f’Malta u kemm f’madwar l-Ewropa.

More in Politika