Il-PD jikteb lill-KE biex tinvestiga 'l-monopolju' tal-fuel f'Malta
Il-PD jinsisti li Malta qed tikser Trattat tal-Unjoni Ewropea li jitkellem dwar il-kompetittività
More in Politika
Il-PD jinsisti li Malta qed tikser Trattat tal-Unjoni Ewropea li jitkellem dwar il-kompetittività
Il-Kap tal-Partit Demokratiku, Anthony Buttigieg, kiteb lill-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager biex tinvestiga “l-monopolju assolut” li l-kumpanija tal-istat, Enemed, għanda fuq il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.
Fl-ittra mibgħuta lill-Kummissarju, il-Partit Demokratiku saħaq li s-sitwazzjoni preżenti f’Malta qed tikser il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea tal-kompetittività u tikser ukoll id-drittijiet tal-konsumatur.
Insista, li minn dan “il-monopolju assolut” qiegħed ibati l-konsumatur.
Buttigieg jispjega kif il-kumpanija Enemed hija l-uniku kumpanija f'Malta li timporta, taħżen u tbigħ il-petrol f'Malta. "Għalhekk il-monopolju tal-istat għadu jeżisti," tisħaq l-ittra.
Fakkar kif dan kien wassal biex 10 snin ilu, infetħu proċeduri kontra Malta meta kienet qed tikser Artiklu 31 tat-Trattat li stabbilixxa l-Komunità Ewropea u issa qed tikser Artiklu 37 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU).
Dan l-Artiklu jgħid kif l-Istati Membri għandhom jassiguraw li ma jkun hemm l-ebda monopolju kummerċjali.
Buttigieg jisħaq li kuntrarju għall-konsumaturi fl-Istat Membri l-oħra, il-konsumatur Malti ma għandu l-ebda għażla u ma għandu l-ebda idea x’tip ta’ petrol jew diesel qed jixtri.
Minħabba f'hekk, huwa l-Gvern li jistabbilixxi l-prezz tal-fuel u l-prezz huwa l-istess kullimkien.
Il-Partit Demokratiku jfakkar ukoll lill-Kummissarju Ewropew li l-Enemed għandha f'idha l-faċilitajiet kollha li fihom jiġi maħżun il-fuel. Skont il-PD, dan ifisser li sakemm il-kumpanija tal-istat ma tippermettix lill-kompetituri biex jużaw dawn il-faċilitajiet bi prezz raġonevoli, l-Enemed se tibqa' tgawdi monopolju assolut.
Iffakkar ukoll kif il-Baġit tal-2017, sar magħruf li l-Enemed se tkun qed tinvesti €50 miljun f'faċilitajiet ġodda u jistaqsi għalfejn dawn il-faċilitajiet ma kinux offruti wkoll lill-kumpaniji privati li jistgħu jkunu interresati fl-importanzzjoni u l-bejgħ tal-petrol u d-diesel.
Skont il-Partit Demokratiku, il-Kummissarju kkonfermat li l-ittra waslet għandha.