L-elezzjoni li taf tiddeċiedi d-destin tal-Ewropa… it-Taljani jivvutaw
Imma l-elezzjoni fl-Italja se taffetwak? Ħafna iktar milli timmaġina. Lilek, lil Malta u lill-UE kollha. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-partiti li qed jikkontestaw elezzjoni li qed issir propju bħalissa
minn Liam Carter
Illum it-Taljani mistennija joħorġu jivvutaw sabiex jeleġġu l-Membri tal-Kamra Rappreżentattiva u tas-Senat. Elezzjoni li skont diversi osservaturi politiċi se tkun instrumentali għad-destin tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex tnejn miż-żewġ movimenti jew partiti li jistgħu jispiċċaw fit-tromba taż-‘żarbuna’ huma xettiċi ferm fuq ir-relazzjoni tal-Italja mal-UE. Fosthom hemm il-‘Movimento Cinque Stelle’ (M5S), imwaqqaf disa’ snin ilu mill-kummidjant popolari Beppe Grillo kif ukoll l-Partit tal-MEP Taljan Matteo Salvini, il-Lega Nord, li jagħmel parti mill-koalizzjoni tal-lemin li tinkludi fi ħdanha l-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi.
Il-Moviment Popolist ta’ Luigi De Maio…
Il-Movimento Cinque Stelle waqqaf Grillo jimxi ’l bogħod mill-prassi ta’ ideoloġiji politiċi li skonthom “huma bbażati fuq diviżjonijiet ta’ klassi fis-soċjetà.”
Il-kandidat għall-kariga ta’ Prim Ministru Luigi De Maio, li hu wkoll is-suċċessur ta’ Grillo sikwit jiġi kkritikat mill-partiti tal-oppożizzjoni fuq il-fatt li mhuwiex gradwat u li qatt ma kellu impjieg fiss qabel id-dħul tiegħu fil-Parlament Taljan ħames snin ilu. L-M5S, qed jipproponi li jimplimentaw miżuri ta’ dħul bażiku magħruf bħala ‘dħul ta’ ċittadinanza’ bl-għan li jiġi miġġieled il-faqar.
Miżura li se tkun qed tiswa bejn €15-€20 biljun ewro fis-sena. Apparti minn hekk dan il-Moviment fost l-oħrajn se jkun qed jara li jżid l-impjiegi għaż-żgħażagħ, simplifikazzjoni leġislattiva, inaqqas id-dejn pubbliku kif ukoll li jdaħħal liġi li ġġiegħel lill-Membri tal-Parlament jirriżenjaw jekk ibiddlu l-partit tagħhom.
L-M5S ma daħal fl-ebda koalizzjoni, minkejja dan riċentement Di Maio qal li, jekk il-partit ma jiksibx il-maġġoranza biex jmexxi waħdu hu se jkun lest li jinnegozja ma' partiti oħra. Skont l-aħħar sondaġġi l-M5S hu mistenni jikseb 28% tal-voti kollha.
Il-Partit Demokarittiku maqsum u l-Forza Xellugija
Il-Partit Demokratiku se jkun qiegħed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali bħala parti mill-Koalizzjoni tax-Xellug li tinkludi l-partit pro-Ewropa ta’ Emma Bonino. Il-Forza tax-Xellug qiegħda titmexxa mill-eks Prim Ministru Taljan Matteo Renzi li rreżenja mill-kariga wara r-referendum tar-riforma kostituzzjonali.
Riċentement numru ta’ deputati tal-PD iffurmaw partit ġdid, ‘Liberi e Uguali’, wara li ma qablux fuq ir-riformi ta’ xogħol u pensjonijiet. Il-Koalizzjoni tax-Xellug qed tipproponi riformi fit-taxxa, paga minima ta’ €10 fis-siegħa, riforma fil-qasam soċjali, ħidma kontra l-evażjoni tat-taxxa, xahar ta’ servizz ċiviku mandatorju għal kull żagħżugħ kif ukoll pjan ta’ ċittadinanza lit-tfal tal-immigranti. Skont l-aħħar sondaġġi l-Koalizzjoni tax-Xellug mistennija tikseb 26.4% tal-voti kollha.
Ir-ritorn ta’ Silvio Berlusconi u l-koalizzjoni tal-lemin
‘Il Cavaliere’, Silvio Berlusconi, hekk kif inhu mlaqqam f’pajjiżu jinsab lura fix-xena politika wara li fl-2013 kien instab ħati ta’ frodi fiskali. Minħabba f’hekk Berlusconi jinsab ipprojbit milli jospita l-kariga ta’ Prim Ministru minħabba dan l-iskandlu.
Għaldaqstant l-imprenditur jibqa’ popolari ferm ma’ dawk anzjani u l-votanti tan-Nofsinhar tal-Italja, żona li mistennija tkun instrumentali fir-riżultat tal-elezzjoni. Il-Partit ta’ Berlusconi, Forza Italia ngħaqad f’koalizzjoni ma’ żewġ partiti oħra tal-lemin, il-Lega Nord tal-MEP Taljan Matteo Salvini li hu voċiferu kontra l-UE u mal-Partit ‘Fratelli D’Italia’ taħt it-tmexxija ta’ Giorgia Meloni. Il-Koalizzjoni tal-Lemin qed tipproponi rata fissa ta’ taxxa 23% (rata li skont Salvini għandha tkun ta’ 15%), żieda fil-pensjoni, li tirrevoka r-riforma fil-pensjonijiet li ddaħħlu fl-2012 u wkoll l-implimentazzjoni ta’ pjan sabiex tonqos l-immigrazzjoni illegali lejn l-Italja.” Skont l-aħħar sondaġġi l-din il-koalizzjoni hu mistenni jikseb 37.5% tal-voti kollha.
L-Espatrijati tal-PD li jafu jkunu l-kundanna ta’ Renzi
Il-Partit Liberi e Uguali ġie ffurmat reċentement wara li numru ta’ deputati ma qablux mar-riformi ta’ Renzi dwar il-pensjonijiet u xogħol. Taħt it-tmexxija tal-eks prosekutur tal-mafja Taljana Pietro Grasso, qiegħed jipproponi li jirrevoka r-riforma li għamel il-PD fl-edukazzjoni, iniedi pjan ġdid ambjentali, inaqqas l-ispiża fuq il-Militar, kif ukoll riforma fil-Jobs Act ta’ Renzi. Din il-qasma tax-xellug taf tkun il-kundanna ta’ Renzi li skont is-sondaġġi jidher li mhux se jkun kapaċi jiġbor il-maġġoranza meħtieġa li jifforma Gvern waħdu. Skont l-aħħar stħarriġ il-Partit ta’ Grasso mistenni jikseb 6% tal-voti kollha.
L-immigrazzjoni u l-effet fuq il-Gżejjer Maltin…
Evidentement il-kwistjonijiet li ddominaw l-opinjoni pubblika 680 kilometru ’l bogħod mill-gżira tagħna ċertament li kienu l-immigrazzjoni u l-ekonomija. Sentiment li ġie amplifikat fi sparatura li seħħet fit-3 ta’ Frar li għadda, meta Luca Traini li hu eks kandidat għall-kunsill lokali tal-Partit Lega Nod, fetaħ in-nar fuq 6 immigranti Afrikani. L-attakk kien meqjus vendetta għall-qtil ta’ Pamela Mastropietro, tfajla minn Ruma ta’ 18-il sena li propju ftit jiem qabel l-isparatura nstabet mejta b’ġisimha mqatta’ f’biċċiet u mqiegħed f’bagalji f’biċċa mwarrba ta’ Ruma.
Ftit wara rriżulta li s-suspett ewlieni tal-qtil kien, ‘Innocent Oseghale’, li fil-passat kien prova jikseb refuġju fl-Italja. Dan l-avveniment makabru u r-reazzjoni vjolenti li skatta mistenni jkun fattur deċiżiv fl-andament tal-elezzjoni.
Kif indika t-titlu l-imigrazzjoni kienet kwistjoni taħraq ferm f’din l-elezzjoni. Il-Partit Forza Italia ta’ Berlusconi saħansitra ppropona, ‘Marshall Plan for Africa’. Bl-isem immudellat wara l-pjan tal-eks Segretarju tal-Istat Amerikan, George C Marshall li fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija nieda l-Marshall Plan bl-għan li joffri għajnuna finanzjarja lil dawk il-pajjiżi li ġarrbu ħsarat kbar matul il-konflitt mondjali. L-istess pjan li b’konsegwenza indiretta kellu joħloq il-famuż split bejn il-ġganti Laburisti, Pawlu Boffa u Duminku Mintoff.
Din id-darba però, il-pjan imur lil hinn minn bini infrastrutturali, hekk kif il-Marshall Plan ta’ Berlusconi se jkun qed joffri għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi Afrikani bl-għan li tiġi illimitata l-imigrazzjoni lejn l-Italja u l-bqija tal-Ewropa.
Fuq l-istess nota, Matteo Salvini li hu alleat ma’ Berlusconi propona li jibgħat lura f’pajjiżhom mal-500,000 immigrant f’ħames snin, b’100,000 fl-ewwel sena ta’ tmexxija.
Ta’ min jgħid li minn wara it-traġedja ta’ Lampedusa lura fl-2013 fejn aktar minn 360 immigrant tilfu ħajjithom, l-istat Taljan beda jieħu kważi r-refuġjati kollha li jiġu salvati mill-Forzi tal-Ordni Malta.
L-elezzjoni kif se tolqot lill-Maltin?
Dan kollu jaf jinbidel hekk kif il-kwistjoni tal-immigrazzjoni qed tkun fil-quċċata tal-politika Taljana. Apparti minn hekk in-nies li jagħmlu l-vjaġġ mill-Magreb għall-Ewropa ċertament li mhux se jieqaf hekk kif l-instabbilità fis-Sirja u fiż-żona ta’ madwar tidher li m’għandhiex data ta’ skadenza.
Dan qed joħloq xenarju ġdid għall-politiċi Maltin. Tant hu hekk li ġimagħtejn ilu, il-gazzetta oħt Maltatoday irrapportat kif ħafna mill-eks uffiċjali mlaħħqa tal-Forzi tal-Ordni Maltija qed jirritornaw fit-tmexxija biex jilqgħu għall-possibiltà kbira ta’ bidla fil-politika tal-immigrazzjoni li possibilment taf tirriżulta f’numru kbir ta’ refuġjati resqin lejn xtutna.
Il-mistoqsija tad-deheb… Min se jerbaħ?
Bħall-istorja reċenti politika Taljana, xejn mhu ċar. Il-possibbiltà li l-elezzjoni tintrebaħ minn partit wieħed biss hi remota. Skont l-aħħar ċifri li ġew ippubblikati qabel l-ordni ta’ projbizzjoni hemm ċans kbir li ħadd ma jikseb il-maġġoranza totali sabiex jiggverna.
Għalkemm skont l-istess ċifri jidher li l-M5S se jkun l-aktar partit li se jikseb voti, jekk dan xorta waħda jibqa’ ma jifformolawx koalizzjoni ma’ partit ieħor, iċ-ċans li jiggverna huwa ftit.
Riformi fil-liġijiet elettorali li daħlu f’Ottubru li għadda, se jagħmluha iktar diffiċli li partit wieħed jikseb maġġoranza. Riformi li kienu kritikati sew mill-M5S.
Għalkemm il-M5S huwa moviment li mexa ’l bogħod mill-forma politika tradizzjonali Taljana u sa ċertu punt anke Ewropea (Apparti Macron), De Maio sikwit jiġi iffaċċjat f’kritika kontinwa. Fost l-oħrajn minħabba l-fatt li De Maio m’għandu l-ebda kwalifika universitarja u kif ukoll li qabel ma daħal fil-parlament Taljan ħames snin ilu dan kien ħadem pataflun ta’ xogħlijiet differenti fosthom, ‘steward’ fl-Istadium ta’ Sao Paolo f’Napoli. Fuq din de Maio jgħid li għalkemm hu ma jistħix mill-passat tiegħu, dawk li jikkritikawh huma l-istess r-raġuni għalfejn żgħażagħ bħalu fil-passat kellhom jaħdmu dawn it-tip ta’ xogħlijiet.
Apparti minn hekk, xi wħud qegħdin jikkritikaw lil dan il-moviment bħala wieħed li hu tajjeb biss għall-karta. Dan għaliex f’postijiet bħal Ruma, fejn fl-2016 kienet ġiet eletta l-ewwel Sindku mara, Virginia Raggi mill-M5S, hemm tgergir kbir fuq affarijiet bażiċi bħall-indafa. Tant u hekk li eks ġurnalist Taljan fetaħ paġna fuq Twitter bl-isem ‘Roma Fa Schiffo’ li turi d-diżorganizzazjoni li teżisti bħalissa fil-Belt Kapitali Taljana. Paġna li saret popolari ferm b’eluf ta’ segwaċi u ttrasformat ruħha f’kritika mhux ristretta biss għal Ruma iżda għall-moviment popolist kollu.
Intant, minkejja l-iskandli kollha li ċappsu l-immaġġini politika ta’ Berlusconi; minn skandli fiskali sa skandli sesswali, Berlusconi xorta waħda jibqa’ politiku li donnu jagħmel x’jagħmel rasu qatt ma tintefa’ taħt il-giljottina politika.
Berlusconi, li hu veteran politiku ċertament li jaf il-politika Taljana fuq ponot subgħajh apparti minn hekk hu maħbub sew ma’ ċertu faxxi tas-soċjetà Taljana. Fuq l-istess nota, f’pajjiż fejn il-kwistjoni ta’ immigrazzjoni tidher li ħadet pjattaforma nazzjonali l-partiti alleati ma’ Berlusconi huma voċiferi kontriha u għalhekk jafu jiksbu ħafna voti għall-koalizzjoni.
Fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru politiku ċ-ċifri huma skorraġanti għall-eks Prim Minisrtru Taljan Renzi u l-PD, għalkemm dan tal-aħħar qal li hu lest jagħmel koalizzjoni ma’ Berlusconi wkoll.