Aġġornata | Salvini u De Maio jgħidu li għandhom dritt jiggvernaw; Renzi x'aktarx jirriżenja

Il-partit populist u ewroxettiku Movimento Cinque Stelle ġab l-akbar ammont ta’ voti iżda l-koalizzjoni ta' Berlusconi rebħet l-akbar ammont ta' siġġijiet

Xellug: Matteo Salvini  Lemin: Luigi de Maio
Xellug: Matteo Salvini Lemin: Luigi de Maio

Sitwazzjoni xejn sabiħa fl-Italja wara li t-Taljani ma rnexxilhomx jagħtu maġġoranza lill-ebda partit jew inkella koalizzjoni fl-elezzjoni ġenerali tal-bieraħ.

Il-partit populist u ewroxettiku Movimento Cinque Stelle, immexxi minn Luigi De Maio ġab l-akbar ammont ta’ voti.

Minkejja dan, il-koalizzjoni tal-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi, jiġifieri Forza Italia, il-Lega Nord u Fratelli D’Italia, jidher li ġabu l-akbar ammont ta’ voti fil-Kamra tad-Deputati.

Dan ifisser li mhux se jkun faċli li jiġi ffurmat gvern ġdid malajr, bin-negozjati jistgħu jieħdu ġimgħat.

Jidher li l-Movimento Cinque Stelle ġab 31.6% tal-voti filwaqt li l-koalizzjoni ta' Berlusconi ġabet madwar 38%. Il-partit ta’ Berlusconi waħdu, ġab biss 14% tal-voti filwaqt li l-Lega Nord ġabet 18%.

Ġaladarba l-Lega Nord ġab l-akbar ammont ta’ voti minn din il-koalizzjoni, kollox jindika li l-President Sergio Materalla se jkun qed jitlob lil Matteo Salvini biex jifforma Gvern.

Fl-ewwel kummenti tagħhom, kemm Salvini u anke De Maio qed jisħqu li ngħataw il-fiduċja tal-poplu u li għandhom dritt jiffurmaw Gvern.

 

Skont il-persentaġġi, il-koalizzjoni taċ-centro destra se tkun ġabet bejn 248 u 268 siġġu. Biex partit jew koalizzjoni jkollu biżżejjed maġġoranza biex jigverna, hemm bżonn li jkollu 316-il siġġu.

Il-Partit Demokratiku ta' Matteo Renzi, li kellu f’idu t-tmexxija tal-Gvern, ġab biss 19% tal-voti, biex il-koalizzjoni taċ-centro sinistra se tkun ġabet biss 23.12% tal-voti. Skont is-sit Ansa.it, aktar tard illum Renzi mistenni jħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jirriżenja.

L-ewwel indikazzjonijiet skont Ansa.it
L-ewwel indikazzjonijiet skont Ansa.it

Kienu 73.2% tat-Taljani li lbieraħ ħarġu jivvutaw.

Aqra hawn analiżi dettaljata tal-elezzjoni fl-Italja u l-wiegħdi ewlenin.

More in Politika