Jerġgħu jfeġġu l-fjuri u x-xemgħat wara li tneħħew mal-lejl

Matul il-lejl li għadda xi ħadd neħħa l-fjuri, ix-xemgħat u r-ritratt ta’ Daphne Caruana Galizia minn fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir

Wara li matul il-lejl li għadda xi ħadd neħħa l-fjuri, ix-xemgħat u r-ritratt ta’ Daphne Caruana Galizia minn fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir, dalgħodu reġa' feġġ ritratt tal-ġurnalista maqtula u anke jfuri u xemgħat.

Mhux magħruf min neħħa r-ritratti u x-xemgħat iżda r-ritratt tal-Monument ‘żbarazzat’ malajr beda jdur fuq il-midja soċjali.

Dwar dan ‘il-mafkar’ spontanju qamet diskussjoni sħiħa meta l-Kunsillier Laburista tal-Belt Valletta, Ray Azzopardi, kien ressaq mozzjoni, quddiem l-istess kunsill biex il-Monument 'jitnaddaf.'

Filwaqt li kien hemm ħafna li qablu miegħu, kien hemm oħrajn li ma qablux, fosthom il-kollega tiegħu, il-Kunsillier Laburist Norman Shaw li mal-Illum.com.mt kien qal li Azzopardi ressaq din il-mozzjoni biex jiġbed l-attenzjoni fuqu.

Mal-istess sit, is-Sindku tal-Belt Valletta, Alexiei Dingli, kien spjega li l-monumenti nazzjonali ma jaqgħux taħt il-Kunsill Lokali u għalhekk il-Kunsill ma seta’ jieħu l-ebda deċiżjoni.

Kien qal biss li bħala rappreżentant tal-poplu ma jistax jinjora s-sentiment tan-nies.

Fuq Facebook, in-Network tas-Soċjetà Ċivili kitbu li wara dak li seħħ mal-lejl, se jkunu qed jiltaqgħu llejla fis-6:00pm biex isellmu l-memorja ta’ Caruana Galizia u jpoġġu aktar fjuri u xemgħat.

Aktar tard, il-Kunsillier Ray Azzopardi tefa' ritratti ta' persuni jpoġġu messaġġi mal-Monument tal-Assedju u ddeskriva dan bħala "provokazzjoni."

More in Politika