Il-Prim Ministru jindika li se titniżżel l-età tal-kunsens sesswali
Bħalissa l-liġi tgħid li l-età tal-kunsens sesswali hija ta' 18-il sena....qbil biex titniżżel għal 16-il sena
More in Politika
Bħalissa l-liġi tgħid li l-età tal-kunsens sesswali hija ta' 18-il sena....qbil biex titniżżel għal 16-il sena
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li wara l-vot tal-bieraħ, fejn il-Parlament, b’mod unanimu approva l-Att dwar il-Vot 16, għad fadal ħafna xi jsir biex il-pajjiż ikun koerenti mal-vot tal-bieraħ.
Fost dawn, Muscat semma l-etá tal-kunsens sesswali li bħalissa qed isir diskussjoni dwarha bħala waħda mill-punti fl-abbozz ta’ liġi dwar il-Vjolenza Domestika.
Dwar dan, tkellem ukoll il-President tal-Kunsill taż-Żgħażagħ, Michael Piccinino li fakkar kif sentejn ilu, tliet Kumitati Parlamentari kienu qablu li l-età tal-kunsens sesswali għandha tinżel mill-età ta’ 18 għal dik ta’ 16-il sena.
“Sfortunatament minn dak iz-zmien ‘l hawn din il-proposta donnha mietet,” saħaq Piccinino.
Appella biex la kien hemm qbil fuq il-prinċipju ta’ din il-materja, dan is-suġġett għandu jerġa’ jitla' fuq l-aġenda nazzjonali ħalli jkun hemm diskussjoni wiesgħa dwar il-pass li jmiss.
"Dan ma għandux ikun sempliċiment dritt" - Joseph Muscat
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li ftit huma dawk l-okkażjonijiet, mhux biss f’Malta, fejn Parlament, b’mod unanimu, japprova emenda fil-Kostituzzjoni.
Saħaq kif il-vot liż-żgħażagħ, se jfisser li l-partiti politiċi se jkollhom iħarsu lilhinn miż-żoni konvenzjonali ta’ ħsieb u politika tas-soltu iżda jridu jikkunsidraw ukoll il-prijoritajiet taż-żgħażagħ.
Insista li dan il-vot ma għandux ikun sempliċiment dritt iżda mod kif iż-żgħażagħ jkunu attivi mal-bqija tas-soċjetà.
Kien f’dan id-dawl li qal kif kien sorpriż meta wara li ż-żgħażagħ diġà vvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, irriżulta li l-parteċipazzjoni tagħhom kienet bħall-medja ta’ etajiet oħra.
Fost prijoritajiet oħra semma l-parteċipazzjoni femminili fil-politika.
"Diġà għamiltu differenza" - Adrian Delia
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li ż-żgħażagħ diġà rnexxielhom jagħmlu differenza, għax ilbieraħ irnexxielhom jagħqdu lill-Parlament b’vot unanimu.
“Iż-żgħażagħ dejjem iridu jkunu flimkien,” saħaq Delia. “Jekk iġġibu lil dan il-pajjiż flimkien tkunu tajtu l-akbar rigal lill-pajjiżna.”
Qal li l-entużjażmu taż-żgħażagħ li ħadu sehem f’dan il-Parlament, hu xhieda li lbieraħ id-deċiżjoni tal-Parlament kienet waħda tajba u li jmissha ilha li saret.
“Ta’ din l-età diġà ħa tibdew tiddeċiedu u tgħidulna intom fejn tridu taraw lill-pajjiż,” kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Irrefera għall-kritika li qed issir u li għaliha għamel referenza wkoll il-Prim Ministru, meta qal li hemm min qed jargumenta li l-politiċi qed jippruvaw jixtru liż-żgħażgħ ta’ 16.
Kompla mal-Prim Ministru li saħaq kif illum mhux faċli tixtri lit-tfal aħseb u ara liż-żgħażagħ u b’nofs ċajta, irrefera għat-tifel iż-żgħir tiegħu, li meta lbieraħ qallu biex jitfi t-televixin, wieġbu li se jgħid lil ħutu biex ma jivvutawlux.
Waqt l-istess seduta tkellmu għadd ta’ żgħażagħ li kollha ċċelebraw dan il-vot tal-bieraħ b’żagħżugħa partikolari tinsisti li issa ż-żgħażagħ iridu jippruvaw li huma “mhux kannoll bla krema imma fabbrika tal-pasti.”