Il-Gvern iħabbar id-dati għall-kaċċa fir-rebbiegħa

Il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima saħaq li d-deċiżjoni ttieħdet wara li ġew ikkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ornis

Il-Gvern ħabbar li se jkun qed jiftaħ il-kaċċa fir-rebbiegħa għas-summien biss bejn il-Ħadd l-1 ta' April u s-Sibt 21 ta' April.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima saħaq li d-deċiżjoni ttieħdet wara li ġew ikkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ornis kif ukoll il-parametri legali u ta’ konservazzjoni.

Il-kaċċa hija permessa f'dawn id-dati, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar.

Il-kaċċa għas-summiena matul l-istaġun tar-rebbiegħa se tkun permessa biss għal dawk il-persuni li jingħataw il-Liċenzja Speċjali.

Qabel japplikaw għal-liċenzja speċjali, il-kaċċaturi jrid ikollhom:

  1. Liċenzja ġenerali valida għall-kaċċa tal-għasafar minn fuq l-art (il-card maħruġa mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi);
  2. Sħubija f’għaqda rikonoxxuta tal-kaċċa mħallsa għal din is-sena - il-ktejjeb aħdar ittimbrat minn għaqda li tirrappreżenta lill-kaċċaturi;
  3. Polza ta’ assigurazzjoni valida għal din is-sena li tkopri terzi persuni;
  4. Il-liċenzja valida tal-ġarr tal-arma għall-kaċċa tal-għasafar minn fuq l-art maħruġa mill-Pulizija għal din is-sena.

Il-kwota nazzjonali għall-kaċċa fir-rebbiegħa tal-2018 hi ta’ 5,000 summiena filwaqt li l-kwota li persuna liċenzjata tista’ taqbad hi ta’ ħames summiniet f’ġurnata u għaxar summiniet tul l-istaġun.

Kull kaċċatur li jingħata Liċenzja Speċjali għall-Kaċċa fir-Rebbiegħa se jkun obbligat biex, hekk kif jaqbad summiena, iċempel immedjatament minn numru tal-mobile fuq in-numru 77070009, kif indikat fil-liċenzja u jsegwi l-istruzzjonijiet li jingħataw waqt l-istess telefonata.

Deċiżjoni apposta biex jaħbat mal-passa tal-Gamiema

F'reazzjoni, BirdLife Malta saħqet li d-deċiżjoni tal-Gvern li jestendi l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, saret apposta biex jaħbat mal-qofol tal-Gamiema.

Fakkret li l-proposta oriġinali mill-Kumitat Ornis kienet li l-istaġun tal-kaċċa jinfetaħ sal-25 ta' April, iżda saħqet li d-deċiżjoni tal-Gvern li l-istaġun jinfetaħ sal-21 tax-xahar xorta hija riskju bla bżonn.

Qalet ukoll li l-Gvern injora l-parir ta’ aġenzija tiegħu stess, l-Awtorità tal- Ambjent u r-Riżorsi (ERA), li ssuġġeriet il-perjodu bejn il-15 ta’ Marzu u l-4 ta’ April għall-kaċċa limitata għas-Summien.

"Il-Gvern jaf li mingħajr infurzar serju madwar Malta u Għawdex se jkun qed jesponi lilu nnifsu għal aktar proċeduri ta’ ksur min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea," tkompli tgħid l-istqarrija.

 

More in Politika