'Il-Gvern qed jaħbi l-ismijiet ta’ dawk li għandhom id-dritt għall-vot'

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta protest ġudizzjarju għax fi kliemu Identity Malta ilha 18-il xahar ma tgħaddi lista kompluta tan-nies li għandhom dritt jivvutaw

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta protest ġudizzjarju għax fi kliemu, il-Gvern qed jaħbi l-ismijiet ta’ dawk li għandhom id-dritt għall-vot.

F’kummenti li ta lill-midja quddiem il-Qorti, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli qal li Identity Malta qed tikser il-liġi meta qed taħbi ċertu ismijiet mill-Kummissjoni Elettorali li ilha 18-il xahar ma tgħaddi lista kompluta tan-nies li għandhom dritt għall-vot.

“Dan in-nuqqas serju mill-Gvern huwa abbuż sfaċċat tal-liġi, jagħti lok għal abbużi fil-proċess elettorali u periklu għad-demokrazija,” saħaq Puli.

Fakkar li Identity Malta hija obbligata bil-liġi li tippreżenta l-lista taċ-ċittadini ġodda kollha li jista’ jkollhom dritt għall-vot lill-Kummissjoni Elettorali. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Elettorali hija obbligata li tgħaddi l-istess informazzjoni lill-partiti politiċi.

“Il-Kummissjoni Elettorali ammettiet li l-listi li qed tirċievi minn Identity Malta mhumiex kompluti u jaħbu l-identità ta' min ikun sar ċittadin Malti x-xahar ta' qabel, u sal-lum naqset milli effettivament tassigura li dan il-ksur tal-liġi jieqaf,” saħaq Puli.

Kompla jgħid li s-Segretarju Parlamentari responsabbli minn Identity Malta, Julia Farrugia Portelli kienet infurmata mill-Kummissjoni Elettorali iżda naqset milli tordna lill-aġenzija biex twaqqaf dan “l-abbuż.”

“Il-Gvern huwa għalhekk mhux biss kompliċi iżda l-ħati prinċipali ta' dan l-abbuż fuq il-proċess elettorali,” saħaq Puli.

Temm jgħid l-Partit Nazzjonalista mhu se jifdallu l-ebda triq oħra ħlief li fil-ġimgħat li ġejjin jiftaħ kawża fil-konfront taż-żewġ entitajiet.

Il-Gvern jisħaq li qed jimxi skont il-liġi

B'reazzjoni, il-Gvern saħaq li qed jimxi skont il-liġi tal-Programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment "li għaddiet mill-Parlament Malti u li kienet approvata wkoll mill-Kummissjoni Ewropea."

Fakkar li din tistipula li l-lista ta’ persuni li jsiru ċittadini permezz tal-IIP tiġi ppubblikata darba fis-sena.

Temm jgħid li l-Oppożizzjoni tibqa’ kontra l-investiment li jersaq lejn pajjiżna.

 

More in Politika