Ix-xahar li għadda kien l-aktar Frar impenjattiv għall-MIA

B’kollox, matul dan ix-xahar, għaddew 349,430 passiġġier mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta

Ix-xahar li għadda kien l-aktar Frar impenjattiv għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li ra żieda ta’ 18% fil-passiġġieri li għaddew minnu.

B’kollox, matul dan ix-xahar, għaddew 349,430 passiġġier, bit-18 ta’ Frar biss jgħaddu mill-MIA aktar minn 15,000 persuna.

Fi stqarrija, l-Ajruport spjega kif filwaqt li x-xhur kollha tax-xitwa sa issa rreġistraw tkabbir Frar kien l-aktar wieħed b'saħħtu.

Apparti minn hekk, kien hemm żieda ta’ 14% fil-movimenti tal-ajruplani.

L-akbar ħames kontributuri għat-traffiku ta’ Frar kienu ir-Renju Unit, l-Italja, il- Ġermanja, il-Belġju, u Franza, li flimkien kienu responsabbli għal 71% mit-total tal-movimenti tal-passiġġieri. Dawn, ħlief għall-Belġju, kollha rreġistraw tkabbir.

L-istqarrija tkompli tgħid li ż-żieda fin-numru tal-passiġġieri mir-Renju Unit u l-Italja tista’ tiġi attribwita prinċipalment għat-tnedija ta’ erba’ rotot ġodda li huma Belfast, London Southend, Napli u Comiso.

It-traffiku mill-Ġermanja u Franza żdied bis-saħħa ta’ titjiriet aktar frekwenzi minn Munich u Paris Orly.

Dawn ir-riżultati pożittivi qed jiġu ppubblikati jumejn biss wara li Airports Council International ħabbar li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb it-tieni post fil-kategorija tal-Ewropa fl-istħarriġ tiegħu dwar il-Kwalità tas-Servizz fl-Ajruporti.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iħejji biex iniedi skeda ta’ titjiriet ġdida, li tinkludi xejn anqas minn 100 destinazzjoni lejn l-aħħar ta’ Marzu.

More in Politika