Il-President tgħid li l-kwoti tan-nisa huma bżonnjużi iżda mhux biżżejjed

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-kwoti għan-nisa huma biss strateġija u għodda waħda li jistgħu jgħinu biex jgħaġġlu t-tibdil meħtieġ

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-kwoti għan-nisa huma biss strateġija u għodda waħda li jistgħu jgħinu biex jgħaġġlu t-tibdil meħtieġ u jinkoraġġixxu lill-bniet u nisa żgħażagħ biex irawwmu ambizzjonijiet għat-tmexxija u għall-awtorità.

Hija qalet dan ilbieraħ fil-messaġġ tagħha ta’ Jum il-Mara li matulu tkellmet dwar il-progress li għamlu n-nisa fis-soċjetà iżda wkoll tat ħarsa lejn x’għad fadal li jsir.

Dwar in-nisa fil-politika, il-President qalet li hemm bżonn jingħata aktar empowerment lin-nisa żgħażagħ biex jaraw lilhom nfushom fi rwoli ta’ awtorità bħala mexxejja.

Fi kliemha, jekk “ikollna nisa f’pożizzjonijiet ta’ awtorità u ta’ tmexxija nkunu nistgħu nbiddlu l-perċezzjoni pubblika, noħolqu aktar kuxjenza dwar min jista’ jmexxi, u l-kwalitajiet li huma importanti fir-rwoli tat-tmexxija effettiva.”

Kien hawn li saħqet li n-nuqqas tar-rappreżentanza femminili fit-tmexxija pubblika u f’pożizzjonijiet oħra tat-tmexxija, fl-ekonomija, in-negozju u fuq il-midja, qed ikollha effett negatt.

Il-gazzetta ILLUM kienet irrappurtat kif in-nisa li qed japplikaw għal pożizzjonijiet maniġerjali huma inqas minn nofs ta’ dawk l-irġiel li japplikaw għall-istess tip ta’ xogħol.

Il-President irreferit ukoll għall-protezzjoni xierqa kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li skontha, minkejja li sar progress, “għadna m’għelibniex din il-kultura miskina li qed therri bħal susa lil tant familji fostna.”

Saħqet li setturi importanti bħall-edukazzjoni, għandhom jibnu mill-qiegħ, l-għarfien dwar il-bżonn li l-bniet u s-subien u n-nisa u l-irġiel iħarsu lejn xulxin bħala msieħba u kollaboraturi ndaqs fis-soċjetà.

Temmet tappella lil kulħadd biex jaħdem ħalli s-soċjetà tiżgura li d-dinjità tan-nisa tkun viżibbli u effettiva mhux f’Jum il-Mara biss iżda f’kull ġurnata.

L-opinjoni dwar il-kwoti tan-nisa hija maqsuma b’ħafna, inkluż nisa, jinsistu li mara għandha tingħata promozzjoni jew pożizzjoni jew inkella saħansitra siġġu fil-Parlament għax tkun ħadmet għalih hemm minħabba xi obbligu legali.

Mal-Illum, il-Ministru għall-Ugwaljanza saħqet li minkejja li ma taqbilx mal-kwoti temmen li huma bżonn biex “iġibu l-bidla li s’issa qatt ma seħħet.”

Meta kien qed jindirizza attività ta' Nisa Laburisti l-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li dwar il-kwistjoni ta' kwoti ta' nisa li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet ġenerali, mhux se ssir diskussjoni dwar jekk dawn humiex se jkunu introdotti, imma biss diskussjoni dwar kif se jkunu introdotti. Muscat fakkar li l-poplu diġa ddeċieda dwar din il-materja kienet wegħda elettorali fil-manifest tal-Partit Laburista.  

 

More in Politika