Mad-€9 miljuni għar-rilokazzjoni ta’ żewġ fabbriki mill-Marsa
Kelliema għall-Ministeru tat-Trasport, Infrastruttura u proġetti Kapitali qalet li ma taf bl-ebda kumpens li ngħata lil xi kumpaniji
More in Politika
Kelliema għall-Ministeru tat-Trasport, Infrastruttura u proġetti Kapitali qalet li ma taf bl-ebda kumpens li ngħata lil xi kumpaniji
Il-proġett tat-triq tal-Marsa li bħalissa jinsab fit-tieni fażi tiegħu, fisser illi żewġ fabbriki kellhom ikunu rilokati għal post ieħor. Din il-gazzetta tinsab infurmata illi din ir-rilokazzjoni swiet lill-Gvern bejn €8.5 miljun u €9 miljuni, għalkemm dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu illi kieku minflok sempliċiment rilokazzjoni il-Gvern kellu jerġa’ jibni żewġ fabbriki, l-ispiża kienet tkun ferm ikbar.
Sorsi qrib il-Malta Industrial Parks sostnew illi l-parti l-kbira tal-ispiża marret għar-rilokazzjoni tal-fabbrika ‘Stainless Steel’, għax kienet l-akbar fabbrika. Din issa ġiet rilokata f’post ieħor li kien diġà jintuża għal skopijiet industrijali f’Ħal Far. L-istess ġara għal fabbrika oħra li tneħħiet mill-Marsa biex tagħmel spazju għall-proġett.
Din il-gazzetta tinsab infurmata wkoll illi numru ta’ kumpaniji fi Triq Aldo Moro se jkunu qed jagħlqu l-bibien tagħhom b’mod temporanju sakemm jitlesta’ x-xogħol. Il-ħaddiema ta’ diversi uffiċini u kumpaniji intqalilhom li se jkunu qed jagħlqu l-bibien tagħhom fil-Marsa u jirrilokaw f’post ieħor jew joperaw minn stabbiliment ieħor, fil-każ ta’ kumpanija li tbigħ l-elettroniċi.
Mistoqsi minn din il-gazzetta kelliema għall-Ministeru tat-Trasport, Infrastruttura u proġetti Kapitali qalet li ma taf bl-ebda kumpens li ngħata lil dawn il-kumpaniji jew oħrajn.
Kelliem għal Malta Industrial Parks sostna li fil-każ tal-fabbriki, tħallsu l-ispejjeż tar-rilokazzjoni, iżda fil-każ tal-kumpaniji/stabbilimenti fi Triq Aldo Moro l-MIP ma tistax twieġeb minħabba li dawn mhumiex inkwilini fuq l-art tal-MIP.
L-istess kelliem spjega kif il-fabbriki li l-MIP ħallset l-ispejjeż ta’ rilokazzjoni għalihom tpoġġew fi spazju industrijali li għalkemm ikkuntrattat ma’ kumpanija oħra, ma kienx qed jintuża jew ma kienx qed jintuża sal-potenzjal tiegħu.
Kien fil-fatt il-Kap Eżekuttiv tal-MIP Karl Azzopardi li ma’ din il-gazzetta spjega kif waħda mill-modi ta’ kif l-MIP qed timmaniġġja art industrijali hija billi terġa’ tevalwa operazzjonijiet eżistenti bl-oġġettiv illi tinnegozja lura spazju għar-rilokazzjoni.
Il-proġett tal-Marsa se jinkludi l-bini ta’ seba’ ‘flyovers’, passaġġi għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, faċilitajiet għaċ-ċiklisti u parkeġġ f’investiment li mistenni jiswa mas-€70 miljuni.
It-twaqqigħ tal-istess fabbriki issa wasal fi tmiemu biex b’hekk bdiet it-tieni fażi li tinkludi l-iżvilupp ta’ diversi kareġġjati madwar it-Triq Aldo Moro. Il-proġett jinkludi wkoll l-iżvilupp meħtieġ ta’ servizzi ta’ ilma, drenaġġ, telekomunikazzjoni u ħażna tal-ilma tax-xita.