Stħarriġ MT | L-Għawdxin u ż-żgħażagħ l-aktar inkwetati bit-traffiku

Stħarriġ tal-MaltaToday jistaqsi liema huma l-akbar preokupazzjonijiet tal-Maltin

It-traffiku żamm postu bħala l-akbar preokupazzjoni tal-Maltin fost l-etajiet kollha, iżda jidher li ż-żgħażagħ (18-35) huma l-aktar imħassba.

Dan jirriżulta minn stħarriġ tal-MaltaToday li staqsa lil dawk li ħadu sehem biex isemmu l-aktar tliet affarijiet li jinkwetawhom f’Malta.

It-traffiku ġie l-ewwel post b’20.1% bil-korruzzjoni tiġi immedjatament warajh b’10.4%. Dan ifisser li meta mqabbel mal-aħħar stħarriġ ppubblikat f’Ottubru li għadda, il-korruzzjoni telgħet żewġ postijiet ‘il fuq. Dak iż-żmien, il-korruzzjoni kienet fost l-akbar preokupazzjonijiet ta’ 7.3% ta’ dawk li ħadu sehem.

L-istħarriġ ippubblikat f’Ottubru kien wera li t-traffiku (34.7%) huwa l-akbar tħassib għall-Maltin u warajh ġew il-parkeġġ (12.2%), l-immigrazzjoni (9.8%) u l-korruzzjoni (7.3%).

L-aktar li huma mħassba bit-traffiku huma l-Għawdxin filwaqt li l-inqas imħassba huma dawk li joqogħdu fin-naħa tal-punent tal-pajjiż.

Mill-aħħar stħarriġ ‘l hawn “il-barranin li jgħixu f’Malta” jidher li jinkwetaw mhux ħażin lil Maltin hekk kif dawn sabu posthom bħala r-raba’ l-akbar tħassib għall-Maltin. Din il-kategorija ma kinitx qed tinkludi l-immigrazzjoni irregolari. Il-MaltaToday tinnota li kieku l-persentaġġi kellhom jittieħdu flimkien, b’15.5%, il-barranin f’Malti jsibu posthom bħala t-tieni l-akbar preokupazzjoni għall-Maltin.

Il-kostruzzjoni u l-inkonvenjenti li toħloq, ukoll telgħet ‘il fuq fil-lista meta mqabbel ma’ Ottubru li għadda. Filwaqt li f’Ottubru kienet preokuppazzjoni ta' 1% ta’ dawk li ħadu sehem, din id-darba l-persentaġġ tela’ għal 8.8%. Immedjatament warajha u forsi marbuta magħha, hemm il-qerda tal-ambjent li kienet fost l-akbar tħassib ta’ 7.0% ta’ dawk li ħadu sehem.

L-istess stħarriġ jitfa’ wkoll dawl fuq kif il-preferenza politika, taffettwa t-tħassib. Jinnota kif filwaqt lil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qed jitkellem fuq il-migrazzjoni u l-barranin li jgħixu f’Malta, l-istħarriġ sab li dawn iż-żewġ kwistonijiet iħassbu aktar lil dawk li fl-aħħar elezzjoni vvutatw lill-Partit Laburista (20%) milli lil dawk li vvuttaw lill-Partit Nazzjonalista (11%)

L-akbar differenza bejn iż-żewġ partijiet kienet il-korruzzjoni. Kienu 3.6% biss ta’ dawk li vvuttaw lill-Partit Laburista li semmew il-korruzzjoni fost l-akbar tħassib. Għall-kuntrarju, din hija l-akbar preokupazzjoni għal 20.1% ta’ dawk li vvuttaw lill-Partit Nazzjonalista.

More in Politika