Se jkunu qed jiżdiedu żewġ karreġġjati fil-bypass ta’ biswit il-mini ta’ Santa Venera.
Karreġġjata minnhom se tkun qed tiżdied malli wieħed joħroġ mill-mina fid-direzzjoni tal-Marsa filwaqt li l-karreġġjata l-oħra se tiżdied in-naħa l-oħra, biswit l-isliproad fid-direzzjoni tal-Imrieħel.
Dan ħabbru dalgħodu l-Ministru għat-Trasport Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-karozzi li joħorġu mill-mina tal-Marsa mhux se jkollhom għalfejn jispiċċaw f’karreġġjata waħda kif jiġri bħalissa. Dan ifisser li l-bypass se jkollha tliet karreġġjati fosthom waħda għas-sewwieqa li jkunu sejrin lejn Ħal Qormi.
In-naħa l-oħra, dawk il-vetturi li jkunu ġejjin mill-Marsa jew Ħal Qormi, wkoll se jsibu tliet karreġġjati. Tnejn minnhom lejn il-mini u waħda tikser lejn l-Imrieħel.
Il-Ministru qal li dan il-proġett mistenni jkun lest fi żmien 13-il xahar. Dan se jinkludi wkoll l-immodernizzar tas-sistemi tal-ilma, l-elettriku u t-telekomunikazzjoni.