'X'jiġi l-ewwel għall-partiti u liema interessi qed jiddefendu?' - Il-Knisja

II-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tistaqsi kif il-partiti vvotaw favur il-proġett ta’ mercury house fl-istess ħin li qed jisħu dwar il-bżonn ta’ masteplan

II-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) staqsiet x’interessi għandhom il-partiti u x’interessi qed jiddefendu meta ir-rappreżentanti tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, ivvutaw favur il-proġett tal-Mercury House fl-istess żmien li qed jisħqu dwar il-bżonn ta’ masterplan, fiż-żona.

Fi stqarrija, il-KA qalet li deċiżjonjiet ‘strambi’ li ttieħdu dwar l-iżvilupp tal-lukanda Fortina f’Tas-Sliema u anke dawk b’rabta mal-proġett tal-Bajja ta’ San Ġorġ, jikkonfermaw li “l-qasma tal-MEPA setgħet saret ħafna aħjar.’

L-approvazzjoni tal-emendi fuq is-sit ta’ Mercury House f’Paceville u l-proġett massiv fil-Bajja ta’ San Ġorġ

Dwar Mercury House, il-Kummissjoni Ambjent saħqet li ma tistax tifhem kif il-PA għażlet li tkompli bi ‘żvilupp massiv f’reġjun fejn l-istess Awtorità wriet il-ħtiega ta’ masterplan.' Dan il-proġett se jinkludi torri ta' 31 sular.

“X’jiġi l-ewwel għall-partiti? Liema interessi qed jiddefendu? Min se jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini li għandhom għal qalbhom il-ġid komuni u li huma kontra proġetti ta’ żvilupp esaġerat bħal ma hu dan?”

Filwaqt li faħħret tliet membri tal-bord li vvutaw kontra l-applikazzjoni staqsiet kif il-Gvern u l-Oppożizzjoni vvutaw favur meta qed jisħqu li l-iżvilupp għandu jkun fil-kuntest ta’ masterplan.

Il-Viċi Sindku Nazzjonalista ta' San Ġiljan Albert Buttigieg f'artiklu fuq il-gazzetta The Times kien akkuża lill-Gvern illi mhux biss qed jakkomoda lill-iżviluppaturi iżda qed jiddiskredita u jagħti l-ġenb lil dawk li qed joġġezzjonaw għall-iżvilupp u għaqdiet mhux governattivi. Buttigieg iżda kkritika wkoll il-partit tiegħu stess li skontu mhux qed ikun konsistenti anzi qed ikun kompliċi mal-Gvern.

Fil-każ tal-iżvilupp fil-Bajja ta’ San Ġorġ, il-KA qalet li huwa sinifikanti li waqt li kien qed ikun approvat il-proġett tal-Bajja ta’ San Ġorġ, l-ogħla uffiċjal eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar ġie kkwotat jgħid li hija ħasra li ma jeżistix masterplan.

Qalet li temmen li l-impatt kumulattiv tal-proġetti kollha f’Paceville u l-Bajja ta’ San Ġorġ għad jinħassu ’l quddiem.

Fakkret fi strutturi storiċi tas-seklu 19, fosthom torri ta' żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta' San Gwann li ġie midfun ġewwa lukanda moderna u fakkret li anke siti ddikjarati ‘protetti’, bħall-Għar ta’ Ħarq Ħamiem fil-Bajja ta' San Ġorġ, jinsab taħt theddia.

Tenniet li sakemm l-ERA u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ma jkollhomx is-saħħa tal-veto f’kull deċiżjoni kontroversjali li jkollha quddiemha l-PA, se jibqgħu jittieħdu deċiżjonijiet li mhux fl-aqwa interess taċ-ċittadini.

L-iżvilupp tal-lukanda Fortina f’Tas-Sliema

Dwar dan l-iżvilupp, il-KA fakket kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ħasset li ma kienx hemm ħtieġa ta’ Environment Impact Assessment (EIA) biex jevalwa l-impatt li se jħallu ż-żieda ta’ ħames sulari fuq torri ta’ 17-il sular, it-twaqqiegħ ta’ strutturi eżistenti u l-bini ta’ blokka ta’ 15-il sular ta’ appartamenti.

Minflok l-applikazzjoni se tkun evalwata abbażi ta’ Project Description Statement (PDS) li ppreżentaw l-istess żviluppaturi.

Il-KA saħqet li għalkemm dan l-iżvilupp se jkun qed isir f’ambjent urban, ma jfissirx li wieħed għandu japprova fuqu kull tip ta’ żvilupp, aktar u aktar meta dan jista’ jkollu impatti negattivi fuq il-komunità.

“Jidher li din id-deċiżjoni ma qisitx wieħed mill-pilastri ta’ żvilupp sostenibbli, jiġifieri t-tħaris tal-ambjent soċjali,” saħqet il-KA. “L-ironija ta’ dan kollu hi li fl-istess perjodu li ttieħdet din id-deċiżjoni, l-ERA nediet regolamenti ġodda intenzjonati li jsaħħu l-Environmental Impact Assessment.”

Filwaqt li faħħret dawn ir-regolamenti, il-KA qalet li tinkwieta meta f’regolamenti bħal dawn jiddaħħlu “l-eżenzjonijiet mingħajr kontroll xieraq.”

Bħala eżempju ta’ dan semmiet il-bini tal-hanger ta’ Xatt it-Tiben u saħqet li dan “huwa insensittiv għas-swar tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura u anke għat-twaqqif ta’ shooting range pubblika fuq art tal-Pulizija f’Ta’ Kandja.

Kif kien propost li jkun jidher Paceville wara li jitwettaq il-masterplan propost mill-Gvern
Kif kien propost li jkun jidher Paceville wara li jitwettaq il-masterplan propost mill-Gvern

More in Politika