Il-Gvern jipproponi liġi ġdida biex tirregola l-industrija tal-logħob
Fost oħrajn, l-abbozz jinkludi miżuri biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-immanipular ta’ kompetizzjonijiet sportivi
More in Politika
Fost oħrajn, l-abbozz jinkludi miżuri biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-immanipular ta’ kompetizzjonijiet sportivi
Il-Gvern se jkun qed iressaq mozzjoni biex fil-Parlament jibda l-ewwel qari dwar liġi ġdida dwar il-logħob.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, Silvio Schembri, spjega li din il-liġi l-ġdida se tkun qed tieħu post dik eżistenti u se tkun simplifikata permezz ta’ att wieħed flimkien ma’ leġiżlazzjoni sussidjarja.
Fost oħrajn, il-liġi se tkopri r-regolatur ewlieni tal-gaming kif ukoll għadd ta’ direttivi tekniċi u linji gwida li bħalissa qed jiġu kkonsultati mal-Awtorità Maltija għal-Logħob (MGA).
L-Att se jkun qed jagħmilha eħfef għall-MGA biex tieħu deċiżjonijiet, se jnaqqas sistemi burokratiċi għall-istess regolatur, se jsaħħaħ is-superviżjoni u anke jiffoka fuq l-isforzi tar-regolatur f’sitwazzjonijiet fejn ir-riskji huma għoljin.
L-abbozz jinkludi wkoll aspetti oħra importanti fosthom fuq il-protezzjoni lill-konsumatur, miżuri ta’ logħob responsabbli, li jkun hemm rapporti ta’ mħatri fuq l-isports li jidhru suspettużi u għalhekk tissaħħaħ ukoll il-ġlieda kontra l-immanipular ta’ kompetizzjonijiet sportivi.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-Gvern irid jassigura li l-industrija tal-logħob tkun immexxija b’mod responsabbli, b’ġustizzja u anke ħielsa minn attivitajiet kriminali.
Huwa qal li l-Att se jkun qed jassigura li l-Awtorità Maltija għal-Logħob ikollha r-riżorsi u s-saħħa neċessarja biex tirregola b’mod effiċjenti l-industrija tal-gaming, filwaqt li tipproteġi lill-konsumatur.
Schembri saħaq li l-Att il-ġdid se jwassal biex l-industrija tal-logħob f’Malta tikber b’4% aktar fuq l-persentaġġ eżistenti ta’ tkabbir.
Preżenti kien hemm iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tal-Logħob Joseph Cuschieri li spjega kif dan l-abbozz jinkludi wkoll proposti li se jservu ta’ pont bejn ir-regolatur u oqsma tal-gaming varji inkluż teknoloġija ġodda.
Il-mozzjoni li se tkun ippeżentata fil-Parlament wara perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika estensiva, li matulha ħadu sehem madar 53 kumpaniji lokali u internazzjonali resqu l-ħsibijiet tagħhom lill-Awtorità.