F’sena waħda biss żdiedu sostanzjalment is-sidien ta’ kumpaniji li qed isibuha bit-tqila biex isibu l-ħaddiema, anke minħabba l-fatt li ħafna mill-ħaddiema Maltin ma għandhomx il-kwalifiki u t-taħriġ meħtieġ.
Dan jirriżulta mill-Country Report, li l-Kummissjoni Ewropea toħroġ kull sena dwar kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
Matul is-sena li għaddiet, aktar minn 30% tal-kumpaniji Maltin kienu qed isibuha diffiċli biex isibu nies li jistgħu jimpjegaw tant li l-Kummissjoni Ewropea tinnota kif dan in-numru żdied ‘sostanzjalment’ meta din l-informazzjoni titqabbel ma’ dik miġbura tul l-2016.
Kif jidher ukoll mit-tabella, dan l-ammont huwa ħafna akbar mill-medja Ewropea tant li r-rapport jgħid kif il-kumpaniji Maltin huma fost l-aktar kumpaniji fl-Unjoni Ewropea li qed isibuha diffiċli biex jimpjegaw in-nies.
L-aktar li qed ibatu huma dawk il-kumpaniji fis-settur tas-servizzi b’madwar 40% tas-sidien jgħidu li qed isibuha diffiċli li jsibu l-impjegati.
L-istess rapport jgħid kif evidenza kwalitattiva turi kif Malta qed isibha diffiċli biex timla’ postijiet vakanti ta’ impjiegi li jirrikjedu livell għoli ta’ taħriġ, fis-setturi tal-finanzi, tas-saħħa u l-ICT. Skont il-Kummissjoni Ewropea, dan huwa rifless fil-fatt li li Malta għandha fost l-inqas persentaġġ ta’ gradwati fl-Unjoni Ewropea.
Marbut ma’ dan, l-istess rapport jinnota kif qed tiżdied id-dipendenza fuq il-ħaddiema barranin biex ikunu jistgħu jimtlew dawn l-impjiegi li qed jibqgħu vakanti mill-Maltn.
Sal-2016, 16.7% ta’ dawk impjegati f’Malta kienu ħaddiema barranin. Fl-2009, dan l-ammont kien ta’ 5.5%.
Skont il-Kummissjoni Ewropea, il-ħaddiema barranin żdiedu fis-setturi kollha.
Ir-rapport jinnota wkoll kif f’Malta qed jikber sew is-settur tal-ICT, iżda ssemmi wkoll kif in-numru ta’ gradwati fix-Xjenza, it-Teknoloġija u anke l-Matematika, mhuwiex biżżejjed biex ilaħħaq mad-domanda.
Aktar minn żewġ terzi tal-ħaddiema barranin f’Malta ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea (71.8%) filwaqt li inqas minn terz ġejjin minn pajjiżi terzi.
Il-Kummissjoni Ewropea tgħid ukoll li meta kkumparati mal-popolazzjoni Maltija, il-ħaddiema barranin huma mħarrġa aktar.
Fl-2016, filwaqt li 30.8% tal-ħaddiema barranin, li għandhom bejn il-25 u s-64 sena, kienu gradwati minn universitajiet diversi, kienu 19.6% biss tal-ħaddiema Maltin li rċevew l-edukazzjoni terzjarja.