Għada tinqata' s-sentenza għal Delimara

Tliet għaqdiet ambjentali jisħqu għalfejn ma għandux ikun approvat il-bini mill-ġdid ta’ lukanda abbandunata fuq art ODZ

Birdlife Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar u Nature Trust-FEE, ingħaqdu biex iħeġġu lill-Awtorità tal-Ippjanar biex ma tapprovax żvilupp propost fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Kalanka f’Delimara.

L-iżvilupp propost, li dwaru se tittieħed deċiżjoni għada, huwa dwar il-bini mill-ġdid ta’ lukanda abbandunata fuq art ODZ u li skont l-eNGOs huma fil-viċin ħafna ta’ diversi siti protetti.

L-istqarrija tisħaq li l-iżvilupp qed ikun propost f’żona remota ħafna u rurali fil-Peniżola ta’ Delimara.

“L-introduzzjoni ta’ lukanda li qed tiġi reklamata bħala xi forma ta’ akkomodazzjoni għall-ekoturiżmu f’din il-parti mhux mimsusa ta’ Malta se tbiddel għalkollox l-istat naturali tal-inħawi u sfortunatament tiftaħ il-bibien għal aktar żvilupp f’dik li suppost hija żona ODZ,” qed jisħqu l-għaqdiet ambjentali.

Jinnotaw ukoll li l-iżvilupp, li qed ikun propost fl-istess sit tal-fdalijiet ta’ lukanda oħra li kienet għalqet fis-snin tmenin, se jkun qed iżid il-footprint tal-bini eżistenti b’561 metru kwadru, u 480 metru kwadru oħra se tkun koperta minn terrazzi u swimming pool għal footprint totali ta’ 1,050 metru kwadru li jinkludi sular addizzjonali.

Jisħqu li jekk joħroġ il-permess, dan se jkun bi ksur ċar tar-regolamenti fil-policy nazzjonali għall-iżvilupp f’ODZ.

L-istqarrija tkompli tgħid li “l-Pjan Lokali għall-Bajja ta’ Marsaxlokk' kien jaħseb biex din iż-żona tinbidel f’Park Nazzjonali għal Delimara fejn il-prijorità kellha tingħata lill-konservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-patrimonju naturali.”

Saħqu li l- proposta li din iz-zona tiġi żviluppata tmur kontra l-isforzi kollha li saru biex is-sit jiġi protett u jiġu mħarsa l-wirt naturali u kulturali li hemm f’dawn l-inħawi.

Fil-Peniżola ta’ Delimara hemm żewġ fortizzi (Il-Fortizza tas-Silġġu l-Fortizza ta’ Delimara) u żewġ batteriji (Il-Batterija ta’ Wolseley u l-Batterija ta’ San Pawl) li kollha jinsabu fi stat ta’ abbandun.

L-eNGOs ikomplu jisħqu li l-lukanda se tfisser ukoll żieda fl-attività umana mir-residenti tal-lukanda u dawk li jagħmlu użu mill-faċilitajiet turistiċi tal-baħar li se jinħolqu fl-inħawi. Qalu li dan se jfixkel u jikkawża dannu lill-ħabitati u l-ħajja fis-selvagġġ jekk ma jittiħdux il-miżuri adegwati biex jilqgħu għal dawn il-fatturi, xi ħaġa li s’issa għadha nieqsa mill-proposti.

Isemmu wkoll iż-żieda fit-traffiku (kemm fil-fażi ta’ kostruzzjoni u anke meta l-progġett ikun lest). L-NGOs huma mħassba wkoll li l-pubbliku li se jkun qed juża dawn l-inħawi għall-għawm mhux se jkollu aċċess għall-parkeġġ adegwat.

S’issa l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) insistiet li jitnaqqas sew id-daqs ta’ dan l-iżvilupp biex jiġi mħares il-karattru rurali tal-inħawi kostali li jdawru dan is-sit.

Il-case officer tal-Awtorità tal-Ippjanar qed jirrakkomanda li l-iżvilupp għandu jiġi approvat.

More in Politika