'Ejja nibnu l-pontijiet bejnietna' - Chetcuti lil Adrian Delia

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jiltaqa' maċ-Ċermen tal-MDA Sandro Chetcuti...

Il-partiti politiċi kollha għandhom ikunu pro-business u m'għandhomx iħarsu biss lejn in-negozji għall-gwadann politiku. Qal dan Sandro Chetcuti, iċ-Ċermen tal-Malta Developers Association (MDA) f'laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Matulha ħeġġeġ biex jindnew il-pontijiet bejn il-PN u l-MDA. 

Chetcuti qal illi meta gvern, kwalunkwe gvern, ikun favur in-negozju jibbenefikaw  il-pensjonanti, l-qasam tax-xogħol u anke l-edukazzjoni. 

"Aħna qegħdin hawn u lesti li nibnu l-pontijiet mal-Oppożizzjoni u mal-PN u nemmnu li għandna nistabbilixxu djalogu b'saħħtu magħkom." 

Minn naħa tiegħu, Delia qal illi d-deċiżjoni riċenti tal-PN li jirtira l-appoġġ tiegħu fuq diskussjoni dwar il-pensjonijiet ta' deputati li servew terminu wieħed biss, bil-konsegwenza li rtira l-Gvern ukoll, juri li l-partit jista' jinfluwenza deċiżjonijiet fuq livell nazzjonali.  

Il-Kap tal-PN appella biex  jibda djalogu serju bil-għan li titnieda strateġija fit-tul għas-settur tal-kostruzzjoni. Huwa tkellem ukoll dwar il-fatt li l-PN se jkun qed jaħdem biex jissalvagwardja l-art pubblika. 

Delia qal ukoll li kwalunkwe deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta' kirjiet għoljin jeħtieġ tissalvagwardja l-interess tas-sid, filwaqt iżda li jkun assigurat illi jingħata l-valur ġust u tajjeb, għall-flus li jkunu qed jitħallsu. "Huwa l-Gvern imbagħad, mhux l-industrija, li jrid jassisti li min hu fil-bżonn."   Dan l-argument ta' Delia fil-fatt huwa eku ta' dak li qal ma' din il-gazzetta s-Segretarju Parlamentari għall-Housing Roderick Galdes f'intervista dwqr il-kirjiet. 

More in Politika