Dalgħodu ġie ffirmat ftehim bejn il-konsorzju MIDI u l-Kunsill Lokali tal-Gżira bil-għan li jipproteġu lil Manoel Island u jkun assigurat aċċess adegwat għall-pubbliku.
Waqt ċerimonja li saret dalgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-istess mudell li ntuża u li wassal għal dan il-ftehim, għandu jintuża wkoll f’ċirkostanzi oħra fejn l-interess kummerċjali jsibu ruħhom f’kunflitt ma’ kwistjonijiet tradizzjonali, kulturali u ambjentali.
Saħaq li bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, Manoel Island se ssir destinazzjoni popolari kemm mal-Maltin u anke mat-turisti.
X’se jfisser dan il-ftehim?
Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, se tkun qed titwaqqaf fondazzjoni ġdida bil-għan prinċipali tagħha jkun li tassigura li l-pubbliku jkollu aċċess għal din il-gżira filwaqt li l-MIDI qed tintrabat li tirrestawra ż-żona ta’ madwar il-Forti biex tinbidel f’park li jkun aċċessibbli għall-pubbliku.
L-istess ftehim jitratta wkoll l-użu tal-bini u anke l-għoli tiegħu. Casino li kien ippjanat li jinbena, mhux se jkun qed isir, filwaqt li l-Forti mhux se jinbidel f’lukanda iżda se jsir ċentru artistiku u kulturali, b’għadd ta’ ħwienet u ristoranti u anke spazju miftuħ aċċessibbli għall-pubbliku.
L-amministratturi tal-Fondazzjoni se jkunu s-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manché, il-kunsillier Ralph Mangion, l-attivista ambjentali Claire Bonello u l-Kap Eżekuttiv Uffiċjali tal-MIDI Mark Portelli.
Bonello se tkun l-ewwel ċermen tal-Fondazzjoni u fl-ewwel kummenti tagħha qalet li “din hija prova li jekk il-partijiet kollha involuti jesprimu biżżejjed rieda tajba, jistgħu jintlaħqu aktar ftehimiet bħal dan.”
Is-sena li għaddiet, il-Kunsill Lokali tal-Gżira u Kamp Emerġenza Ambjent kienu organizzaw protesti li matulhom fetħu l-gradi li kienu jagħlqu l-aċċess għal Manoel Island, bil-għan li l-pubbliku jkollu aċċess għal gżira, b’mod partikolari għall-kosta.