Jason Azzopardi b'mozzjoni biex il-Parlament jiddiskuti r-rapport tal-MEPs dwar Malta

Ir-rapport kien sar wara delegazzjoni li nkludiet lill-MEP Portugiża Ana Gomes u lil David Casa

Id-Deputat Jason Azzopardiu
Id-Deputat Jason Azzopardiu

F'mozzjoni li ressaq ftit tal-ħin ilu d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi talab biex il-Parlament jiddiskuti r-rapport dwar Malta li sar minn delegazzjoni ta' Membri Parlamentari Ewropej (MEPs) li ġew Malta u li stħarrġu aktar is-saltna tad-dritt. 

Dan ir-rapport ta' elenku tal-laqgħat li saru fosthom mal-Prim Ministru, mal-whistleblower Russa wara l-istorja ta' Egrant kif ukoll ma' diversi persuni mill-midja. 

Minn dan ir-rapport ħarġu diversi stejjer u fatti, fosthom li Maria Efimova ma kinitx l-uniku persuna li kellha tagħrif dwar l-allegazzjoni illi l-kumpanija Egrant hija ta' mart il-Prim Ministru. Irriżulta wkoll li mill-FIAU ma xtaqux jgħidu jekk għaddewx flus, direzzjonati lill-eks Ministru u eks Kummissarju John Dalli mill-kumpanija '17 Black'. 

Ir-rapport kien qal ukoll li dawk implikati "f'atti serji ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus bħala riżultat tal-Panama Papers u rapporti tal-FIAU "m'għandhomx jinżammu fil-kariga pubblika u għandhom jiġu investigati b'mod formali u malajr. Li jinżammu fil-kariga," ikompli jgħid ir-rapport, "jaffetwa l-kredibilità tal-Gvern, jżid mal-perċezzjoni ta' impunità u jista' jirriżulta f'aktar ħsara lill-interessi tal-istat billi titħalla għaddejja attività kriminali." 

Intant fir-reazzjoni, l-Gvern jisħaq li r-rapport juri nuqqas ta’ għarfien dwar l-irwol tal-istituzzjonijiet f’Malta u kif dawn jaqdu dmirhom. Jingħad li l-informazzjoni li ngħatat lill-MEPs kienet jew skorretta jew inkella antika. Il-Gvern sostna wkoll li qed issir kritika lejn l-istrutturi Kostituzzjonali f’Malta jew deċiżjonijiet meħuda mill-istess Gvern meta pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea jħaddnu sistemi jew ħadu deċiżjonijiet li huma simili.

 

More in Politika