Daphne, Kuciak u l-mafja fil-Parlament Ewropew
- Diversi MEPs qabblu l-assassinju tal-ġurnalist Slovakk ma' dak ta' Daphne Caruana Galizia
- Ana Gomes issemmi wkoll il-każ ta' John Dalli bħala eżempju ta' impunità
minn Yendrick Cioffi
L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia reġa’ dewa fil-Parlament Ewropew hekk kif l-Ewroparlamentari ddiskutew l-assassinju tal-ġurnalist investigattiv Slovakk Ján Kuciak u s-sieħba tiegħu Martina Kusnirova.
Diversi MEPs, minn gruppi politiċi differenti fakkru kif fi ftit xhur, l-Unjoni Ewropea, esperjenzat il-qtil ta’ żewġ ġurnalisti investigattivi li kienu qed jikxu każijiet ta’ korruzzjoni minn persuni fil-poter u anke każijiet ta’ kriminalità. Kien għalhekk li tkellmu dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea twaqqaf mekkaniżmi li joffru protezzjoni lill-ġurnalisti investigattivi.
F’dan id-dibattitu ħadu sehem l-Ewroparlamenti Maltin David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech li kollha kemm huma saħqu li hemm similaritajiet fl-assassinji ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ Ján Kuciak.
David Casa qal li l-kultura ta’ impunità, kemm f’Malta u anke fl-Islovakkja wasslet għall-assassinju ta’ dawn iż-żewġ ġurnalisti u ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex taħdem sabiex ħadd ma jpoġġi sarima ma’ ħalq il-ġurnalisti, anke jekk permezz ta’ proċeduri legali bħall-iSLAPP.
Min-naħa tagħha, Roberta Metsola saħqet li kemm Caruana Galizia u anke Ján Kuciak inqatlu għax kienu ta’ xkiel għal min qed jostor il-verità u għal min irid li jaħbi l-fatti. Qalet li l-ġurnalisti qed iħallsu prezz għoli għax-xogħol li qed jagħmlu u għalhekk saħqet dwar il-bżonn li jissaħħu l-istituzzjonijiet u l-liġijiet.
Francis Zammit Dimech fakkar li l-poplu Malti u dak Slovakk tilfu l-informazzjoni li kienu qed jikxfu dawn iż-żewġ ġurnalisti u ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tassigura li tissaħħaħ il-libertà tal-espressjoni u li ssir ġustizzja fiż-żewġ każijiet.
Ana Gomes, mill-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, li kienet mexxiet id-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta, saħqet li kienu mafjużi li qatlu kemm lil Daphne Caruana Galizia u anke lil Ján Kuciak. Tkellmet ukoll dwar “il-kultura ta’ impunitá” u tat l-eżempju tal-eks Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, John Dalli, “li flok ma tressaq il-Qorti, qed jagħti l-pariri lill-Prim Ministru.”
Monika Smolkova, ukoll mill-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi saħqet li dak ġara Malta, fis-16 ta’ Ottubru li għadda u dak li ġara fl-Islovakkja fil-25 ta’ Frar, jista’ jiġri kullimkien u għaldaqstant ingħaqdet ma’ Ewroparlamenti oħra li talbu għal investigazzjoni indipendenti u internazzjonali, l-istess kif kienu għamlu fid-dibattitu dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-istess Ewroparlamenti staqsiet x’għamlet l-Unjoni Ewropea biex il-korruzzjoni ma trabbix l-għeruq u x’għamlet biex tiġġieled it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.
Fakkret fl-investigazzjoni li kien qed iwettaq il-ġurnalist Slovakk li kien qed jikxef kif fondi agrikoli Ewropej kienu qed jintużaw mill-kriminalità organizzata u ngħaqdet ma’ Ewroparlamenti oħra, fosthom Monica Macovei mill-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej, biex tisħaq li għandu jkun hemm mekkaniżmu li jissorvelja fejn qed imorru l-fondi Ewropej u kif qed jintefqu.
Sophie In ‘T Veld mill-Alleanza għal-Liberali u d-Demokratiċi, saħqet li Daphne Caruana Galizia u l-ġurnalist Slovakk inqatlu għax kienu qed jagħmlu investigazzjonijiet dwar min qiegħed fis-setgħa u każijiet ta’ korruzzjoni u kriminalità organizzata. Flimkien ma’ għadd ta’ Ewroparlamentari ħeġġet lill-Unjoni Ewropea biex il-ġurnalisti jingħataw il-protezzjoni kollha neċċessarja.
Ewroparlamenti oħrajn saħqu li għandu jkun hemm mekkaniżmi li jassiguraw li anke l-informazzjoni personali tal-ġurnalisti għandha tkun protetta filwaqt għandu jkun hemm fondi allokati għat-tisħiħ tal-ġurnaliżmu investigattiv li ddeskrivewh bħala wieħed mill-aktar pilastri importanti għall-Unjoni Ewropea.
Sven Giegold f’isem il-Ħodor, u anke MEPs oħra, ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tissokta bid-diskussjoni dwar ir-Rapport Kontra l-Korruzzjoni filwaqt li insista li għandhom jinstemgħu l-ilħna ta’ dawk iċ-ċittadini, kemm f’Malta u anke fl-Islovakkja, li qed jipprotestaw wara dawn l-assassinji.
Kien hemm Ewroparlamenti oħra, fosthom Kateřina Konečná mill-Grupp Konfederali Xellug Magħqud Ewropew, li ħeġġet lill-Unjoni Ewropea biex tirrispetta l-istituzzjonjiet indipendenti u jħalluhom iwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom.
“Ma għamilnix dan għal Malta u ma rridux nagħmlu dan għall-Islovakkja,” saħqet l-Ewroparlamentari.
Insistiet li hi mhux kontra li n-nies jinżlu jipprotestaw fit-toroq iżda saħqet li l-Unjoni Ewropea għandha tirrispetta li l-pajjiżi għandhom is-sistema ġudizzjarja tagħhom.
Fost l-Ewroparlamenti l-oħra, tkellmu wħud minn dawk li kienu parti mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ddeskrivew l-emozzjoni li ħassew meta żaru d-dar tal-ġurnalist Slovakk u s-sieħba tiegħu, fl-istess post fejn inqatlu, b’MEP Slovakk jisħaq li “s-swaba tal-qarnita tal-korruzzjoni’ laħqet kull sfera tal-Istat Slovakk, għalkemm MEPs oħra qalu li l-Islovakkja, mill-investigazzjonijiet li saru, mhijiex l-agħar pajjiż.
Il-Kummissarju Ewropew Julian King għalaq id-dibattitu billi ħeġġeġ lill-awtoritajiet Slovakki biex jaħdmu id f’id mal-OLAF (l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi) bil-għan li jsir magħruf jekk hux veru li dan il-każ kien frott użu ħażin ta’ Fondi Ewropej.
Saħaq li l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tressaq leġislazzjoni għal aktar protezzjoni għall-Whistleblowers u saħaq li dan huwa wieħed mill-metodi biex jissaħħaħ il-ġurnaliżmu investigattiv.
S’issa l-Pulizija Slovakka arrestat żewġt aħwa u l-kuġin tagħhom b’rabta ma’ dan l-assassinju. It-tliet irġiel huma assoċjati fi grupp mafjuż Taljan li l-ġurnalist kien qiegħed jinvestiga qabel ma nqatel.