Il-KNPD jgħid li l-abort f'każi ta' diżabilità huwa ġenoċidju

Il-KNPD ddeskriva bħala “ġenoċidju” l-proposta tal-Fondazzjoni għad-Drittjiet tan-Nisa biex l-abort isir legali f’każi fejn ikun hemm problemi fil-fetu

Il-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabilità ddeskriva bħala “ġenoċidju” l-proposta tal-Fondazzjoni għad-Drittjiet tan-Nisa biex l-abort isir legali f’każi fejn ikun hemm problemi fil-fetu li jistgħu jwasslu biex tarbija titwieled b’diżabilità.

Fost oħrajn, il-KNPD ikkwota l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Prevenzjoni u l-Ikkastigar tad-Delitt tal-Ġenoċidju, li jiddeskrivi l-ġenoċidju bħala “att li l-intenzjoni tiegħu huwa li jiddistruġġi b’mod totali jew parzjalment grupp nazzjoni, etniku jew reliġjuż.

Il-KNPD ikompli jikkwota subartiklu ‘D’ tal-istess Konvenzjoni li jispjega kif wieħed minn dawn l-atti huwa: “l-użu ta’ miżuri imposti biex jipprevjenu t-twelid fi grupp.’

Jisħaq li għalkemm dan l-artiklu ma jitkellimx dwar diżabilità, jista’ faċilment jista’ applikat għal spettru akbar ta’ persuni.

Jikkwota wkoll l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda li tiddeskrivi l-ġenoċidju bħala “att li jċaħħad grupp sħiħ uman mid-dritt tal-eżistenza,” u li jmur kontra l-liġi morali u l-ispirtu u l-għanijiet tal-ġnus magħquda.

Filwaqt li jikkowta anke studjużi u ħassieba, il-Kunsill jgħid li jekk l-abort isir legali f’dawn iċ-ċirkostanzi, se jkun simili għall-abort marbut mal-ġeneru li huwa prattikat fl-Asja, primarjament fiċ-Ċina, l-aktar fi żmien meta kull familja ma setgħetx ikollha aktar minn wild wieħed.

L-istqarrija tieħu wkoll konsiderazzjonijiet legali oħra fosthom il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet ta’ Persuni d’Diżabilità (UNCRPD), li Malta rratifikat fl-2012 u li jisħaq li kull persuna umana għandha dritt għall-ħajja u kull pajjiż għandu jieħu l-miżuri kollha neċċessarji biex jassigura li persuna b’diżabilità jgawdu minn dan id-dritt l-istess bħal kulħadd.

Iżda l-KNPD jisħaq li Artiklu 3 tal-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs tal-Liġijiet ta’ Malta, Kapitlu 413, huwa aktar ċar u jgħid li: “kull persuna għandha d-dritt intrinsiku għall-ħajja, id-dinjità, ir-rispett u l-integrità mentali, riproduttiva u fiżika tagħha, u l-Istat għandu jiggarantixxi dan id-dritt lill-persuni b’diżabilità, kemm qabel u wara t-twelid.”

Waqt li semma d-diskussjoni tal-Kumitat tal-UNCRPD dwar il-liġi Spanjola li tippermetti l-abort fl-ewwel 22 ġimgħa tat-tqala, f’każijiet ta’ anomaliji tal-fetu, inkluż Down Syndrome, il-KNPD kkwota statistika li turi kif fi Spanja 95% tal-feti li b’Down Syndrome qed ikunu abortiti.

Fl-Awstrija, t-twelid ta’ trabi b’Down Syndrome naqas b’60% bejn l-1995 u l-2006 filwaqt li jisħaq kif fl-Iżlanda, kważi 100% tal-feti bid-Down Syndrome qed ikunu abortiti.

Il-KNPD jisħaq li aktar minn hekk, il-protezzjoni tal-fetu anke f'każijiet ta' diżabilità mhux talli ma għandhiex tingħata l-ġenb, talli għandha tkun imsaħħa biex tipproteġih f'każ li fil-futur, l-abort isir legali.

Mal-gazzetta ILLUM, Lara Dimitrijevic mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa qalet li f'Malta mal-400 mara għamlu abort.

More in Politika