Daqqa ta' ħarta għal Malta; Il-PE jivvota favur rata ta' taxxa komuni
Il-Parlament Ewropew ivvota favur rata ta' taxxa komuni għall-pajjiżi kollha membri tal-UE
minn Yendrick Cioffi
Il-Parlament Ewropew vvota favur li jkun hemm rata ta’ taxxa komuni madwar l-Unjoni Ewropea.
Malta ilha diversi xhur topponi li jseħħ dan għax jista’ jfisser li Malta titlef il-vantaġġ kompettitiv li għandha fis-settur finanzjarju.
Meta vvutaw dwar il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva, 438 vvuttaw favur, 79 kontra u 135 astjenew. Dwar il-Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva, 451 ivvutaw favur u 141 kontra u 51 astensjoni.
Is-sitt Membri Parlamentari Ewropej Maltin vvutaw kontra.
Dawk li huma favur taxxa komuni, dejjem saħqu li rata ta’ taxxa komuni tipprevjeni kumpaniji milli jimxu lejn ġurisdizzjonijiet li għandhom rata baxxa ta’ taxxa.
Il-proposti jinkludu pjanijiet biex ikun żgurat li kumpaniji jħallsu t-taxxa fejn jagħmlu profitti u anke l-introduzzjoni ta’ regoli komuni tat-taxxa għall-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea.
Diversi organizzazzjonijiet Ewropej, bħall-Oxfam, apparti Membri Parlamentari ilhom xhur jirreżistu sistemi preferenzjali ta’ taxxi, bħal ma għandha Malta, biex tkun tista’ tattira kumpaniji barranin, jew kumpaniji li jridu jiddikjraw il-profitti tagħhom f’Malta.
Saħansitra kien hemm Ewroparlamenti li mhux l-ewwel darba li minħabba dan, iddeskrivew lil Malta u pajjiżi oħra, bħala tax havens.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri, kien qal mal-gazzetta ILLUM li l-Gvern se juża kull mezz possibbli biex tħares l-interessi tagħha, għax fi kliemu, din is-sistema kapaċi tkisser il-kompettività tagħna.
“Din is-sistema ma naqblux magħha għax hija one size fits all fejn ma ttiħdux inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ stati żgħar bħal Malta,” kien qal Schembri.
Kemm Gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat kif ukoll il-Gvernijiet Laburisti tal-preżent jaqblu li s-settur finanzjarju huwa meħtieġ li jiġi kkurat u li jingħata inċentivi sabiex ikompli jikber, għaliex joffri opportunitajiet ta’ xogħol b’pagi tajbin.
Filwaqt li pajjiżi bħall-Italja u l-Ġermanja jattakkaw is-sistema tat-taxxa adottata għall-kumpaniji barranin li jiftħu hawn, din kienet parti mill-ftehim li l-Gvern Malti kien innegozja qabel ma’ daħal fl-Unjoni Ewropea.
Is-sistema ta’ refużjoni tat-taxxa ta’ 30% li pajjiżna jagħti lill-azzjonisti ta’ kumpaniji li jiftħu f’Malta kienet approvata mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew.
Is-sitt MEPs Maltin jaqblu li rata ta' taxxa komuni mhux l-aħjar soluzzjoni
Fi stqarrija wara dan il-vot, kemm id-Delegazzjoni Laburista u anke d-Delegazzjoni Nazzjonalista saħqu li huma vvuttaw kontra u insistew li l-armonizazzjoni tal-istrutturi tat-taxxa jimminaw il-flessibbiltà tal-iżgħar stati membri tal-UE.
Saħqu li mhux il-pajjiżi kollha għandhom l-istess realtajiet ekonomiċi u għalhekk il-flessibilità f'dan il-qasam hija neċessarja biex, il-pajjiżi, speċjalment dawk żgħar jibqgħu kompettitivi.
Minkejja li l-agrument ta' ħafna huwa li se titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa fost oħrajn, insistew li s-sistemi li qed jiġu proposti ipoġġu pajjiżi bħal Malta fi żvantaġġ.
Iż-żewġ delegazzjonijiet saħqu lin huma favur trasparenza sħiħa iżda se jibqgħu jaħdmu biex jiddefendu s-sistema tat-tassazzjoni nazzjonali.