Approvat il-bini ta' lukanda f'Delimara
L-iżvilupp kien approvat b’10 voti favur u 3 kontra
More in Politika
L-iżvilupp kien approvat b’10 voti favur u 3 kontra
Il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar approva l-bini ta’ lukanda fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Kalanka f’Delimara.
L-iżvilupp kien approvat b’10 voti favur u 3 kontra.
Kienu d-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli, iċ-Ċermen tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi Victor Axiak u rappreżentant tal-NGOs, Annick Bonello, li oġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp.
Il-Kunsillier ta’ Marsaxlokk Daniel Zerafa kien wieħed minn dawk li vvota favur.
Preżenti kien hemm il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti li faħħar dan il-proġett li fi kliemu mhux se jsir f’art verġni imma se jkun qed jieħu post lukanda abbandunata.
Minkejja dan, Axiak insista li din iż-żona għandha tingħata n-nifs mill-ġdid u insista li l-proġett se jkun qed iżid iż-żona mibnija.
Ilbieraħ, Birdlife Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar u Nature Trust-FEE, ingħaqdu biex iħeġġu lill-Awtorità tal-Ippjanar biex ma tapprovax l-iżvilupp.
Bħal Axiak, huma saħqu li l-iżvilupp se jkun qed iżid il-footprint tal-bini eżistenti b’561 metru kwadru, u 480 metru kwadru oħra se tkun koperta minn terrazzi u swimming pool għal footprint totali ta’ 1,050 metru kwadru li jinkludi sular addizzjonali.
L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kienet insistiet li jitnaqqas sew id-daqs ta’ dan l-iżvilupp biex jiġi mħares il-karattru rurali tal-inħawi kostali li jdawru dan is-sit.
Il-case officer tal-Awtorità tal-Ippjanar kien tal-fehma li l-iżvilupp kellu jiġi approvat, kif fil-fatt seħħ.
Intant, waqt is-seduta kellhom jissejħu l-Pulizija biex joħorġu wieħed mill-attivisti wara li ċ-Ċermen Vince Cassar akkużah b’nuqqas ta’ rispett.
Fost oħrajn, Cassar saħaq li ż-żagħżugħ naqas mir-rispett lil Victor Axiak meta ma sejjaħlux professur.
Għalhekk Axiak ma kellu l-ebda problema li ż-żagħżugħ isejjaħlu b’ismu, l-argument kompla jisħin tant li s-seduta kellha tkun sospiża sakemm inħareġ iż-żagħżugħ.