'Għażilna l-Magħtab għax diġa sit imminat u ikrah'
Mal-gazzetta ILLUM il-Ministru tal-Ambjent jgħid li ħareġ ordni għal policy ġdida fir-rigward ta' pompi tal-petrol....
minn Liam Carter
Reċentement l-Gvern ħabbar l-proposta ta' bini ta' inċineratur fiż-żona tal-Magħtab li se jkun qed jaħraq 114,000 tunellata ta' żibel kull sena.
Il-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera qal li l-impjant il-ġdid se jkun qed jinbena permezz ta' public-private-partnership u se jibda jopera fis-sena 2023.
Għaldaqstant diversi għaqdiet non-governattivi li jsemmgħu leħinhom fuq kwistjonijiet ambjentali bħal fondazzjoni GAIA, isostnu li l-inċineraturi joħolqu kultura fejn in-nies jabbandunaw is-seperazzjoni tal-iskart għaliex li taħraq l-iskart hi aktar faċli.
Imma l-inċineratur huwa soluzzjoni ta’ malajr? Mas-sit illum.com.mt Il-Ministru Herrera qal li “kienu ħafna dawk li saħqu li dan kellu jkun akbar, konna kawti li ma jkollniex inċineratur kbir ħafna li nispiċċaw insiru għażżenin. Stajna ġibna inċineratur u l-iskart kollu jibda jmur hemm,” sostna l-Ministru. Hu kompla jgħid kif “il-Ministeru mexxa mod ieħor u se nibqgħu nonoraw l-obbligi ambjentali li għandna kemm tal-UE kif ukoll dawk internazzjonali però se jinfirex il-mod kif niddisponu l-iskart.”
“Jekk l-inċineratur ma jsirx fil-Magħtab se jkun qed jittieħed ammont ikbar ta’ art”
L-inċineratur propost se jkun qiegħed jinbena fiż-żona tal-Magħtab. Għalhekk possibilment iċ-ċumnija ta’ dan l-inċineratur se tidher mill-akbar żona turistika ta’ Malta, Buġibba u l-Qawra.
L-ILLUM staqsiet lill-Ministru jekk jaħsibx li din se tipperikola t-turiżmu fiż-żona. “Il-Magħtab hi ‘eye sore’ wkoll,” saħaq Herrera. “Apparti minn hekk l-inċineraturi tal-lum huma avvanzati mhumiex bħal dawk taż-żmien ta’ qabel, inbiddlu kemm viżwalment kif ukoll mil-lat ta’ inġinerija.
Skont Herrera s-sit tal-Magħtab intagħżel għaliex “huwa sit imminat u ikrah. Hemmhekk diġà jeżisti pedament sabiex ikollok operazzjoni ta’ inċineratur bħal żona fejn iżomm l-iskart. Apparti minn hekk jekk l-inċineratur ma jsirx hemmhekk se jkun qed jittieħed ammont ikbar ta’ art. Tkun iktar għaqlija li jiġi hemmhekk,” sostna Herrera.
L-aspett viżiv se jkun qiegħed jiġi ikkunsidrat bil-kbir aċċerta Herrera li indika wkoll li ċumnija tista' tiġi moħbija wara l-għolja tal-Magħtab.
Ovvjament ma stajniex nitkellmu fuq l-inċineratur u ma nistaqsux fuq il-possibbiltà li l-emmisjonijiet mill-ħruq ta’ skart jipperikola l-ħajja taċ-ċittadini Maltin. Fuq din il-Ministru saħaq li huma qed jagħtu importanza kbira sabiex innaqqsu l-emmissjonijiet mill-impjant. “40% tal-investiment se jkun qiegħed ibbażat fuq mekkaniżmi biex jillimitaw l-emissjonijiet,” qal Herrera.
“Ma qomniex filgħodu u għidna se nibnu inċineratur”
Il-ġimgħa l-oħra l-midja tal-Partit Nazzjonalista attakkat il-pjan tal-inċineratur fuq bosta binarji fosthom fuq il-fatt li meta l-amministrazzjoni Nazzjonalista proponiet pjan simili fl-2008, dakinhar il-Partit Laburista, b’mod speċjali il-Kunsill ta’ Marsaxlokk li kien ta’ maġġoranza Laburista oppona bil-kbir. Staqsejt lill-Ministru jekk din hix u-turn politika tipika tal-klassi politika.“Kuntrarjament għall-amministrazzjonijiet oħra, il-mod kif aħna introduċejna l-inċineratur kien iktar kawt, ma qomniex filgħodu u għidna se nibnu inċineratur” saħaq Herrera.
Hu kompla jgħid kif, “ħejjejna rapport wara l-ieħor, għamilna kumitat u saħansitra għamilna stedina lill-Partit Nazzjonalista u għalhekk kellna parir professjonali. Apparti minn hekk f’dak iż-żmien ma kienx hemm daqshekk tagħrif dwar il-kriżi tal-landfills.”
50 tomna art kull għaxar snin u l-pjanijiet ta’ afforestazzjoni
Skont il-Ministru jekk nibqgħu narmu b’din ir-rata, il-landfill preżenti għandha sentejn ħajja. “Jekk nibqgħu narmu ġol-landfills se jkollna bżonn mal-50 tomna art kull 10 snin,” sostna l-Ministru b’ton ta’ allarm.
Mistoqsi minn din il-gazzetta x’sar mill-proġett ta’ afforestazzjoni fl-Imtaħleb propju sentejn wara li żvela dan l-ILLUM, il-Ministru saħaq li għalkemm hu daħal fil-kwistjoni tal-afforestazzjoni b’entużjażmu kbir sab problemi li waqqfu x-xogħol.
“Kelli ħeġġa kbira biex jimmaterjaliżża l-pjan però hemmhekk iltqajna ma’ nies li kellhom titlu ta’ art u għalhekk ma stajniex nieħdu l-art. Però se jkun hemm pjanijiet oħra ta’ afforestazzjoni fil-futur,” saħaq Herrera.
Parti kbira miż-żona ta’ Bulebel se ssir ODZ
Ċertament li waħda mill-kwistjonijiet ambjentali kbar fil-ġimgħat li għaddew kienet dik ta’ Bulebel fejn il-proposta ta’ bini ta’ fabbriki ġodda qajjmet dibattitu nazzjonali, b’saħanistra l-kunsill lokali taż-Żejtun jopponi dan l-iżvilupp.
Fuq din il-kwistjoni Herrera sostna li “140 tomna art hi żona kbira ħafna, jien ħassejtni responsabbli f’din il-kwistjoni u ftaħt diskussjonijiet mal-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona kif ukoll tkellimt mal-Perit Ruben Abela mill-Għaqda Wirt iż-Żejtun.” Il-Ministru spjega li “wara li għamilna d-dibattiti, mill-ewwel konna qbilna li 75% taż-żona inkwistjoni fejn għandek ukoll Wied iż-Żrinġ se tiskansa l-iżvilupp u se ssir ODZ.”
Fuq il-bqija taż-żona, Herrera saħaq li hu għandu “r-riservi tiegħu dwar żvilupp f’din iż-żona. Għalhekk se jkun qed isir l-ewwel studju mill-ERA ħa naraw x’importanza ekoloġika u storika hemm f’din iż-żona. Apparti minn dan, il-Ministru qal li din l-art se tkun qed tintuża biss b’cirkustanzi estremi.
“Irrid li l-Gvern isir iktar favur l-ambjent f’din il-leġislatura...”
L-ILLUM staqsiet lill-Ministru jekk jaħsibx li f’Malta ntlaħaq bilanċ fis-sostenibbilità. Fuq din, b’mod skjett, Herrera sostna li, “irridu nagħmlu iktar sforz biex nilħqu l-bilanċ tas-sostenibbilità.”
Herrera kompla jgħid kif hu l-ewwel wieħed, irrid li l-Gvern qed issir iktar favur l-ambjent f’din il-leġislatura. “Għandhom raġun igergeru għaliex l-ambjent hu l-kwalità tal-ħajja. Jien irrid ngħix f’pajjiż fejn nieħu gost ngħix. Jekk jien fit-triq tiegħi ma nistax norqod bil-lejl bil-bini li tiela' u jekk immur fil-kampanja u ħlief siment ma narax, jekk ma narax siġra waħda, m’għandhiex kwalità tal-ħajja u għalhekk in-nies għandhom raġun igergru,” saħaq Herrera.
Fuq it-tgergir tal-iżvilupp kontinwu u f’kull rokna tal-pajjiż, Herrera saħaq li “jien favur l-ambjent però ngħix f’dinja reali ma ngħix f’utopja m’iniex tree-hugger. Nagħmel l-almu tiegħi sabiex nisalvagwardja l-ambjent. Sfortunatament Malta żgħira, ma għandniex reġjuni ma nistgħux nagħmlu bħal pajjiżi oħrajn.”
“Riċentement ġew bl-idea li nagħmel Għawdex kollu ‘Unesco World Heritage Site’,” kompla jgħid il-Ministru, “però realment l-Għawdxin mhux park iridu però xogħol, ma nistax inwaqqafhom milli jtellgħu xi lukanda.”
“Għaliex għandek bżonn seba’ tomniet għal pompa tal-petrol.”
Il-Ġermanja, Franza u Gran Brittanja huma tlieta mill-ftit pajjiżi li rċenetement ħabbru li l-karozzi tal-petrol u d-diesel se jkunu pprojbiti. Għalhekk staqsejt lill-Ministru jekk Malta hix se timxi fil-passi ta’ dawn il-pajjiżi.
Il-Ministru żvela li hu fl-aħħar żmien appunta kumitat li fih involut ukoll delegat mill-Ministeru tat-Transport biex jagħmlu l-istess projbizzjoni. “L-ewwel fażi se tkun li nagħqdu l-materjal kif ukoll se tinfetaħ konsultazzjoni pubblika.”
Fid-dawl ta’ dan, l-ILLUM staqsiet lill-Ministru għaliex jibqgħu joħorġu permessi ġodda għall-pompi tal-petrol ladarba l-użu tagħhom se jonqos fil-futur. “Jien ordnajt lill-ERA sabiex taħdem ‘policy’ ġdida sabiex f’ temp ta’ xahrejn. Irrid nibdilha malajr għaliex jekk xi ħadd jixtri biċċa art illlum bl-għan li jbiddilha f’pompa tal-petrol ma nistax jien immur għada u nwaqqaf l-iżvilupp,” saħaq Herrera.
Apparti minn hekk Herrera qal li hu ħass li kellu jintervjeni għaliex il-proposti ta’ dan it-tip bdew jakkumulaw. “Għalfejn għandek bżonn seba’ tomniet art għal pompa tal-petrol?”