Infermiera u qwiebel b'inqas leave u bla ikel

Dwar dawn il-kwistjonijiet l-MUMN qed titlob laqgħa urġenti mal-Ministru għas-Saħħa

Il-Unjin Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel qed tisħaq li minkejja li fil-Baġit il-Gvern alloka ġurnata leave għall-infermiera u l-qwiebel li jkunu ħadmu fil-Festi  Nazzjonali, l-ammont ta’ sigħat li qed jingħataw huwa inqas minn dak dovut.

Fi stqarrija, l-MUMN saħqet li d-deċiżjoni tal-Gvern kienet li jingħata lura dak li ttieħed u mhux li tingħata biss parti mill-ġurnata.

Tikkwota ċirkolari mis-Segretarju Permanenti Ewlieni li tistipola b’mod ċar li minn jaħdem fuq bażi ta’ roster, għandu jingħata lura l-ammont ta’ sigħat li jirriflettu r-roster tal-impjegat.

Apparti minn hekk, l-MUMN ikkritikat id-deċiżjoni mit-tmexxija tal-Isptar Mater Dei biex infermiera u qwiebel li jaħdmu part-time jew bir-reduced hours, ma jkunux intitolati għall-ikel, anke jekk jaħdmu l-istess sigħat daqs il-full timers.

Skont l-MUMN, meta ħadet din id-deċiżjoni, it-tmexxija ta’ Mater Dei kkwotat Ordinanza ta’ 70 sena ilu u li ġiet aġġornata 40 sena ilu iżda saħqet li hemm ċirkolari ppubblikata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-2007 u li għadha tgħodd sal-lum.

Din iċ-ċirkolari, li skont l-MUMN hija inspirata minn regolament tal-Unjoni Ewropea, tistipola b’mod ċar li l-partimers u dawk li  jaħdmu bir-reduced hours huma intitolati għal dak kollu li għandom il-full timers iżda pro rata.

Dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet, il-Unjin talbet laqgħa urġenti mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne wara li baqgħet ma sabitx ftehim fuqhom mal-Uffiċjali fid-Dipartiment  tas-Saħħa.

More in Politika