L-Air Malta se tibda topera servizz skedat ta’ darbtejn f’ġimgħa lejn il-belt ta’ Lourdes fi Franza kull nhar ta’ Tnejn u kull nhar ta’ Ġimgħa.
Ir-rotta l-ġdida se tibda topera mid-29 ta’ Ġunju li ġej biex hekk l-Air Malta nediet il-15-il rotta l-ġdida tagħha.
Dan tħabbar dalgħodu miċ-Ċermen tal-Linja Nazzjonali tal-Ajru waqt il-ftuħ tal-AMITEX, il-fiera annwali tal-ivjaġġar organizzata mill-MFCC.
L-Air Malta kienet ilha topera lejn din il-belt fi Franza bħala destinazzjoni charter mill-1988.
Iċ-Ċermen Charles Mangion saħaq li biex ikun iċċelebrat it-30 anniversarju minn meta l-Air Malta bdiet topera lejn din il-belt, bl-għajnuna tal-Brittania Travel, inħasset il-ħtieġa li tkun offruta titjira skedata.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi saħaq li t-turiżmu reliġjuż huwa wieħed li qed jikber u wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-Air Malta se toffri din it-titjira u wera l-impenn li l-Air Malta tkun il-Linja tal-Ajru tal-Mediterran.
Paul Sies, il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta qal li tul dawn l-aħħar 30 sena, l-Air Malta ħadet mas-6,000 passiġġier fis-sena lejn Lourdes.
Lourdes tinsab fil-Pirinej u hija magħrufa l-aktar għas-Santwarju tal-Madonna ta’ Lourdes, inkluż il-Grotta ta’ Massabielle u l-Bażilika tar-Rużarju. Dan apparti attrazzjonijiet oħra fosthom La Chateau fort de Lourdes, monument storiku ta’ elf sena.