Aktar minn 800 persuna jingħaqdu biex isalvaw Ġnien Sant'Anna
Diversi persuni qed jiffirmaw petizzjoni biex parti minn Ġnien Sant'Anna ma tinbidilx f'uffiċini tal-kunsill
More in Politika
Diversi persuni qed jiffirmaw petizzjoni biex parti minn Ġnien Sant'Anna ma tinbidilx f'uffiċini tal-kunsill
Aktar minn 800 persuna ffirmaw petizzjoni onlajn biex parti minn Ġnien Sant’Anna f’Wied il-Għajn ma tinbidilx f’uffiċini ġodda għall-Kunsill Lokali.
Daniel Cauchi, il-moħħ wara din il-petizzjoni, waqt li fakkar fil-problema tal-obeżità u rabat magħha n-nuqqas ta’ attività fiżika u l-ispazju miftuħ, saħaq li t-tfal ta’ Wied il-Għajn għad għandhom dan il-ġnien fejn “jistgħu jiġru, jilgħabu bil-ballun u jgħajtu mingħajr ma jkunu fil-periklu u mingħajt ma jħallsu.”
Fi kliem Cauchi, postijiet bħal dawn ma tantx issibhom Malta.
Waqt li saħaq li l-kunsilliera għandhom bżonn uffiċini akbar, insista li jinsab ċert li għandhom għal qalbhom ukoll is-saħħa tat-tfal li jgħixu f’Wied il-Għajn.
“Għalfejn għandna nibnu iktar, u nkomplu nkebbsu l-problema tal-obeżità u nuqqas ta' attività fiżika fost it-tfal tagħna?” staqsa Cauchi.
Din il-petizzjoni se tkun qed tiġi ppreżentata lill-Kunsill Lokali.
Mal-MaltaToday, is-Sindku Mario Calleja kien ikkonferma li ħareġ it-tender għall-bini tal-uffiċini ġodda.
Meta mistoqsi jekk dan l-iżvilupp hux se jeqred spazju miftuħ għall-pubbliku, is-Sindku saħaq li l-uffiċini se jinbnew fuq żona pavimentata fuq wara tal-ġnien.
Kien assigura li l-ebda siġra mhu se tinqala’ minn postha u li se jsir xogħol ta’ tisbiħ fuq l-istess ġnien.
Dwar jekk l-uffiċini hux se jitħallsu minn Sadeen Group, l-istess kumpanija li se tibni l-kampus tal-Università Amerikana f’Wied il-Għajn, is-Sindku saħaq li l-kunsill għandu biżżejjed flus biex iħallas il-proġett u anke se jkun qed igawdi minn fond tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-kunsillier Nazzonalista Charlot Cassar huwa kontra r-rilokazzjoni tal-uffiċini.
Intant, l-istess sit kien żvela kif il-Gvern, permezz ta’ Projects Malta, l-Aġenzija tal-Gvern responsabbli mill-private-public partnerships, kien qed jikkunsidra li jibni parkeġġ fl-istess ġnien iżda kemm is-Sindku u anke l-kunsillier Nazzjonalist kienu opponew.
Iżda l-bini tal-uffiċini kienu diġá tħabbru mis-Sindku fl-2011.
Anke fi żmien Amministrazzjoni Nazzjonalista kienet ġiet ikkunsidrata l-possibilitá li dan il-ġnien jinbidel f’parkeġġ. Fl-2011, Il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Lawrence Gonzi, kien qal li l-proġett ingħata l-ġenb għax ir-residenti kienu kontrih.