F’sena waħda biss jonqos 200 parkeġġ f’Tas-Sliema
Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema jilmenta dwar il-parkeġġ dejjem jonqos minħabba l-iżvilupp. L-Awtorità tal-Ippjanar tgħid li inqas parkeġġ ifisser arja aktar nadifa
minn DO NOT USE
F’sena waħda biss, matul l-2016, il-parkeġġ f’Tas-Sliema naqas bi kważi 200 post u dan meta l-parkeġġ ilu snin waħda mill-akbar problemi li taffaċċja din il-lokalità. Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema kien ressaq ilment lill-Uffiċċju tal-Ombudsman kontra l-Awtorità tal-Ippjanar u l-mod kif qed tapplika l-policy fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal żvilupp f’din il-lokalità b’nuqqas ta’ spazju għall-parkeġġ.
Matul l-2016, l-Awtorità tal-Ippjanar ipproċessat għadd ta’ applikazzjonijiet għal żvilupp f’Tas-Sliema u skont il-Kunsill Lokali l-ammont ta’ permessi li ngħataw ma kinux qed jipprovdu għall-ammont ta’ parkeġġi meħtieġa.
Mal-ILLUM, is-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li din il-problema kienet diġà gravi 10 snin ilu, “aħseb u ara llum.”
Il-Kunsill Lokali qed jisħaq li permessi għal numru sostanzjali ta’ appartamenti, uffiċċji u lukandi f’din il-lokalità, mingħajr il-provediment ta’ parkeġġ adegwat, qed iġib miegħu konsegwenzi oħra, fosthom traffiku akbar b’detriment għas-saħħa minħabba t-tniġġis tal-ajra.
“Inqas parkeġġ ifisser inqas użu ta’ karozzi privati”...
Iżda, fl-ispjegazzjoni tagħha lill-Ombudsman, l-Awtorità tal-Ippjanar kellha spjegazzjoni għal kollox differenti.
Ikkwotat il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp u saħqet kif il-fatt li jkun hemm inqas parkeġġi disponibbli jfisser inqas persuni jużaw il-karozzi privati, jiżdied l-użu tat-trasport pubbliku jew inizjattivi bħall-car pooling u għalhekk jonqos it-tniġġis.
Ma tiqafx hemm. Tgħid ukoll li jekk ikun hemm konċentrazzjoni ta’ żvilupp fil-qalba ta’ żona urbana, aktar tgħin biex ikun hemm massa biżżejjed ta’ nies li jeħtieġu t-trasport pubbliku li jagħmel is-servizz ikun aktar viabbli.
“B’dan il-mod tinkoraġixxi tnaqqis fit-traffiku permezz ta’ żoni pedonali, aktar spazji miftuħa u tnaqqis ta’ użu ta’ karozzi fit-toroq biex aktar toroq ikunu jistgħu jsiru pedonali,” saħqet l-Awtorità tal-Ippjanar.
“Aħjar aktar parkeġġ flok aktar fondi”
Iżda l-Kunsill Lokali baqa’ jinsisti li t-tnaqqis tal-parkeġġ qed imur kontra dak stipulat fid-Development and Control Design Policy, Guidance and Standards 2015 u fl-iStrategic Plan for Environment and Development, għax fost affarijiet oħra, jinjoraw il-ħarsien tal-interess pubbliku u l-aspett soċjali, joħolqu tniġġis tal-arja u jimponu li tingħata kontribuzzjoni lill-Commuted Parking Payment Scheme minflok jiġi mpost il-provvediment li jkun hemm parkeġġ fuq l-istess sit.
Il-Commuted Parking Payment Scheme tisħaq li żviluppatur iħallas ‘multa’ jekk ma jkunx se jipprovdi biżżejjed parkeġġ għall-iżvilupp. Il-fond imbagħad jintuża għall-faċilitajiet ta’ parkeġġi pubbliċi. Iżda ma’ din il-gazzetta, is-Sindku staqsa “Fejn se żżid il-parkeġġi jekk kullimkien mibni?”
Skont Mistoqsija Parlamentari, datata 16 ta’ April 2017, bejn l-2014 u l-2017 din l-iskema kienet ikkalkulata għal 525 parkeġġ. Apparti minn hekk, Mistoqsija Parlamentari oħra, tat-3 ta’ April 2017, naqqsu 47 parkeġġ biex minflok tpoġġew imwejjed u siġġijiet.
‘Għandha ssir reviżjoni tal-Commuted Parking Payment Scheme’
Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju tal-Ombudsman għalkemm innota li wħud mill-permessi li ngħataw tul l-2016 huma ġustifikati, jisħaq li f’permessi oħra, l-Awtorità setgħet uriet aktar sensittività lejn il-problema tal-parkeġġ u obbligat lill-applikanti biex jipprovdu aktar spazji għall-parkeġġ kif stabbilit fid-Development Control Design Police.
Innota kif meta ġew approvati dawn il-permessi, l-Awtorità tal-Ippjanar ma tat l-ebda ġustifikazzjoni għaliex f’dawn l-iżviluppi ma ntalbux li jiġu pprovduti aktar spazji ta’ parkeġġi.
25 minn dawn il-permessi mogħtija, kienu għal bini addizzjonali fuq bini eżistenti li fuqhom l-Awtorità tal-Ippjanar imponiet il-Commuted Parking Payment Scheme. Iżda, l-Ombudsman saħaq li l-impożizzjoni ta’ €2,096 għal kull spazju ta’ parkeġġ “mhijiex biżżejjed fid-domanda ta’ parkeġġi fit-triq, speċjalment f’lokalitajiet b’ammont estensiv ta’ karozzi simili għal dik ta’ Tas-Sliema.”
Kien għalhekk li l-Ombudsman saħaq li din l-iskema li għal Tas-Sliema titlob €2,096 għal kull spazju ta’ parkeġġ u li ilha fis-seħħ 20 sena, għandha tiġi riveduta, anke għax minn dak iż-żmien ’l hawn, in-numru ta’ vetturi kważi rdoppja.
Dwar it-tliet permessi mogħtija għall-imwejjed u s-siġġijiet barra minn stabbilimenti, l-Ombudsman saħaq li l-Awtorità, meta approvat dawn il-permessi ma qisitx il-problemi ta’ parkeġġ li kienu se jinħolqu b’riżultati tal-iżviluppi.
Apparti reviżjoni tal- Commuted Parking Payment Scheme, l-Ombudsman appella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex “tikkunsidra aħjar u tkun aktar stretta fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet” li jistgħu jżidu d-domanda fuq il-parkeġġ.
Tibdil drastiku u imminenti fil-mod kif isir l-iżvilupp...
Jirrakomanda li għandha tadotta sistema “aktar pożittiva” fejn tippremja l-iżviluppi li jipprovdu parkeġġ mhux fit-triq minflok timponi skemi ta’ penali għal dawk li ma jagħmlux dan.
Jipproponi wkoll tibdil drastiku u imminenti fil-mod kif isir l-iżvilupp billi jkunu ppromovuti żviluppi kollettivi permezz ta’ inċentivi varji. Skont l-Ombudsman dan jista’ jgħin biex jipprovdi parkeġġ fuq is-sit billi jsir użu effiċjenti tal-ispazji permess ta’ aċċessi u anke żoni ta’ ċirkolazzjoni li jkunu komuni.
Min-naħa tagħha, l-Awtorità wieġbet li l-Commuted Parking Payment Scheme hija regolata minn Ċirkolari tal-Ippjanar u l-applikazzjoni għal ‘penali’ dejjem titħalla bħala l-aħħar rimedju.
Fost oħrajn, qalet ukoll li “kif ġie ddikjarat fil-Manifest Elettorali tal-Gvern ser issir skema biex jiġu pprovduti parkeġġi fuq is-sit. Qalet li diġà identifikat numru ta’ siti flimkien mal-pjanti relattivi tagħhom għall-kunsiderazzjoni tal-Ministeru.
Dwar il-parkeġġ, il-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista kien iwiegħed aktar sejħiet għal public-private partnership biex isiru parkeġġi pubbliċi u li jkunu akkumpanjati bi spazji miftuħa u landscaping ta’ ġonna pubbliċi.
Dan apparti proposti oħra fosthom dwar smart-parking technology, inqas taxxa għal min jikri l-garaxx għall-parkeġġ u rata ridotta ta’ taxxa, fl-ewwel seba’ snin tal-operat tagħhom, għal dawk l-intrapriżi li jużaw art privata biex joħolqu żoni ta’ parkeġġ.