In-Netwerk tas-Socjetà Ċivili qed jitlob ir-riżenja ta' Jason Micallef minn Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 wara dak li kiteb nhar is-Sibt li għadda dwar l-istrixxuni li tpoġġew mill-'kenniesa' fil-ħames xhur anniversarju mill-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u anke dwar iċ-ċelebrazzjonijiet ta' San Patrizju.
In-Netwerk iddeskriva l-attitudni ta' Micallef bħala "diviżiva u mhux sensittiva."
Ikkwotaw il-kumment tiegħu dwar iċ-ċelebrazzjonijiet ta' San Patrizju, meta Micallef għamel referenza sarkastika għall-istqarrija: "is-sitwazzjoni hi ddisprata," li kitbet Caruana Galizia dakinhar li nqatlet.
Fi stqarrija, in-Netwek saħaq li Micallef naqas mir-rispett lejn il-ġurnalista maqtula.
Saħqu li din l-attitudni ma tixraqx lil uffiċjal tal-istat li qed imexxi l-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Apparti minn hekk, qalu li Micallef "attakka l-libertà tal-espressjoni tal-attivisti," meta kkundanna lill-attivisti li weħħlu l-istrixxuni tagħhom fuq dawk tal-Valletta 2018.
Huwa saħaq li l-attivisti kissru l-liġi u li "ħamġu" l-istrixxuni tal-V18.
Fl-istess post, Micallef saħaq li Caruana Galizia kienet "diviżiva f'ħajjitha u agħar wara mewtha."