Titjiriet tal-Air Malta se jkunu qed jittardjaw minħabba titjira oħra li lbieraħ filgħaxija kellha tħalli l-ajruport ta' Orly f'Pariġi iżda ma laħqitx taret qabel ma daħlu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet ta' matul il-lejl fl-ajruport ta' Orly.
It-titjira KM 467 kellha tħalli Orly fis-6:10pm iżda minħabba dewmien li kien hemm, it-titjira ma laħqitx telqet qabel ma ngħalaq l-ajruport.
L-ajruplan mistenni jħalli Franza fil-ħin li ġej u jasal Malta llum waranofsinar.
Minħabba f'hekk, illum se jkunu qed jittardjaw it-titjiriet:
- KM100/1 Minn Malta għal Heathrow u lura b'45 minuta
- KM612/3 Minn Malta għal Ruma Fiumicino u lura b'35 minuta
- KM 306/7 Minn Malta għal Munich u lura b'sagħtejn.
Fi stqarrija, il-Linja Nazzjonali tal-ajru saħqet li kemm il-passiġġiera u anke l-ekwipaġġ tat-titjira KM 467 ittieħdu f'lukandi viċin l-ajruport filwaqt li saħqet li qed tagħmel minn kollox biex tnaqqas l-inkonvenjent li nħoloq għall-passiġġiera f'Malta.