L-Alternattiva Demokratika se tkun qed tagħmel talba formali lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dak li qed issejjaħlu bħala “każ serju ta’ indħil politiku, illegalità u diskriminazzjoni sfaċċata,” meta qed ikun irrappurtat li l-eks Membru Parlamentari Laburista, Philip Sciberras, qed jingħata pensjoni privileġġata minkejja li ma jikkwalifikax għaliha.
Fi stqarrija, l-Alternattiva Demokratika qalet li wara li d-Dipartiment tat-Teżor kien oġġezzjona għal din it-talba “huwa ovvju li l-pressjoni saret mill-Gvern innifsu biex Sciberras jingħata dan it-trattament prefenzjali u diskriminatorju.”
Ilbieraħ, is-Sunday Times of Malta rrappurtat kif wara l-elezzjoni tal-2013, meta kien elett Gvern Laburista, l-eks Imħallef Sciberras kien applika biex jingħata pensjoni ta’ Membru Parlamentari.
Skont il-liġi, Membru Parlamentari jrid ikun serva għal żewġ leġislaturi jew 65 xahar biex ikun eleġibbli għall-pensjoni ta' Membru Parlamentari.
Sciberras kien ġie elett għall-ewwel darba f’nofs il-leġislatura tal-1976 wara r-riżenja tal-Ministru Guże’ Abela. Kien elett mill-ġdid fl-1981 iżda tilef is-siġġu fl-elezzjoni tal-1987.
Wara li l-ġurnal irrapporta kif it-teżor oġġezzjona għal din l-applikazzjoni, l-Alternattiva Demokratika qed tisħaq li l-atteġġjament tal-Gvern qed joħloq pensjonanti ta’ sekonda klassi li għax mhux tal-qalba, ma jsibux lill-Gvern jaqbeż għalihom.”
Apparti minn hekk, dejjem skont ir-rapport, il-Gvern kien talab li Sciberras jitħallas b’lura l-ammont dovut skont kemm suppost ħa f’pensjoni tul l-aħħar snin u dan apparti li hu jirċievi pensjoni speċjali għall-membri tal-ġudikatura li jkunu rtiraw.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Ċerpersin tal-AD, Mario Mallia, saħaq li filwaqt li hemm min qed jgħix b’pensjoni miżera u “huwa f’riskju ta’ faqar," hemm min qed jgħix bi tliet pensjonijiet.
“Għal darb’oħra qed nassistu għal każ ieħor fejn l-alleanza politika favur il-Gvern tiftaħ triq fil-baħar għal xi wħud,” kompla jgħid Mallia.
Il-ġimgħa li għaddiet qamet diskussjoni sħiħa dwar il-pensjoni tal-Membri Parlamentari wara li l-Gvern kien ressaq proposti biex id-Deputati jirċievu l-pensjoni tal-Membri Parlamentari wara li jkunu servew leġislatura waħda u mhux tnejn.
Għalkemm għall-bidu l-Oppożizzjoni kienet qablet, ftit wara, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien talab lill-Gvern biex jissospendi minnufih il-liġi dwar il-pensjonijiet.
Il-Gvern, kien ħabbar li se jissospendi d-diskussjoni, bil-PD mill-ewwel jgħid li għamel rebħa fuq iż-żewġ partiti, wara li d-Deputati tal-PD Marlene u Godfrey Farrugia mill-ewwel ħarġu kontra din il-proposta minkejja li fi kliemhom tħallew barra mid-diskussjoni. Aktar qabel bdew ukoll petizzjoni dwar dan fuq is-sistema onlajn tal-Parlament.