"Public Private Partnerships (PPPs) ma jistgħux ikunu meqjusin bħala għażla ekonomikament vijabbli biex tagħti u tibni infrastruttura pubblika." Dan qed jgħidu rapport li għadu kemm ħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri illi fiha, fost il-membri, hemm il-Malti Leo Brincat.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet illi meta l-Public Private Partnerships (PPPs) kienu awditjati nstab li kien hemm bosta nuqqasijiet u "benefiċċji limitati' li rriżultaw f'nefqa ineffiċċjenti u ineffettiva ta' €1.5 biljun." Ir-rapport jgħid li 30% minn dawn, kienu flus li tat l-UE.
Il-Qorti tal-Awdituri Ewropej tkompli tgħid li saħansitra "l-valur għall-flus u t-trasparenza kienu mminati partikolarment minn politiki u strateġiji li mhumiex ċari u arranġamenti żbilanċjati."
Bejn is-sena 2000 u 2014 l-UE pprovdiet €5.6 biljun, f'84 Public Private Partneship bit-total tal-ispiża tal-proġett titla' għal €29.2 biljun. L-awdituri assesjaw 12-il proġett PPP ikofinanzjat mill-UE fi Franza, l-Greċja u Spanja fis-setturi tat-trasport u informazzjoni u teknoloġija.