'Il-Gvern ilu jaf li l-Bank Pilatus ma kellux jingħata liċenzja' - Delia
Adrian Delia saħaq li l-Gvern għażel li jibqa' jipproteġi lill-kriminali minflok ir-reputazzjoni ta' Malta
minn Yendrick Cioffi
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li l-Gvern ilu jaf li l-Bank Pilatus ma kellux jingħata liċenzja.
Waqt konferenza quddiem il-Qorti, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Bank ingħata l-liċenzja sempliċiment “biex jaqdi l-funzjoni tal-ftit kontra r-reputazzjoni tas-snin.”
Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Oppożizzjoni wara li fl-Istati Uniti ġie arrestat is-Sid tal-Bank Pilatus, Ali Sadr Hasheminejad.
Adrian Delia tenna li għandha ssir investigazzjoni indipendenti dwar kif il-Bank ingħata l-liċenzja, l-aġir tal-bank u t-tranżazzjonijiet li għamel.
"Dan il-Bank sar f'Malta għax imkien fid-dinja ma seta' jsir," saħaq Delia.
Kompla jgħid li l-Gvern huwa obbligat li jieħu azzjoni, filwaqt li l-awtoritajiet responsabbli għandhom jirrevokaw il-liċenzja tal-Bank illum stess.
Staqsa jekk il-Gvern hux se jibqa’ jipproteġi lill-kriminali, b’referenza “għall-ftit għexieren ta’ klijenti” tal-Bank Pilatus, minflok jipproteġi lill-ħaddiema Maltin ta’ dak li sejjaħlu bħala wieħed mill-aktar setturi importanti f’pajjiżna.
“Il-liċenzja tal-Bank trid tiġi revokata llum,” saħaq Delia. “Kull minuta li qed tgħaddi, id-dinja qed tħares lejna u tgħid li dan mhux pajjiż normali.”
Temm jisħaq li filwaqt li l-ħsara issa saret, ir-responsabbilità issa tinsab f’ħoġor il-Ministru Edward Scicluna u l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Għalfejn ġie arrestat Ali Sadr?
Is-sid tal-Bank Pilatus kien arrestat fuq l-akkużi li pparteċipa fi skema biex jevadi sanzjonijiet u li illegalment mexxa $115 miljun mħallsin minn kuntratt fil-Venzuela minn sistema finanzjarja fl-Istati Uniti.
Huwa qed ikun akkużat illi prova jiffroda lill-Istati Uniti u li jikkommetti ħasil ta' flus.
B'kollox, Ali Sadr jista' jeħel madwar 120 sena ħabs.
L-MPEs kellhom indikazzjoni?
Intant, ir-rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, li ġiet tinvestiga s-Saltna tad-Dritt u anke allegazzjonijiet ta' korruzzjoni f'Malta, kien għamel referenza għall-fatt li Hashminejad kellu jiġi akkużat b'miżaproprijazzjoni ta' fondi ("embezzlment") fl-Iran.
Huwa kien ċaħad dawn l-akkużi u saħansitra kien kiteb liċ-Ċermen tad-Delegazzjoni, l-Ewroparlamentari Soċjalista Ana Gomes, biex mir-rapport titneħħa din ir-referenza u saħansitra ried ikun jaf min kien "is-sors tad-dikjarazzjoni.
'Huwa r-regolatur li jiddeċiedi' - Muscat
Intant, Il-PM Joseph kien imwaqqaf minn ġurnalist ta’ Net TV li staqsieh jekk hux qed jinkwieta minħabba l-fatt li xi ħadd akkużat b’ħasil ta’ flus għandu bank f’pajjiżna, liema bank spiċċa f’nofs kontorversja.
Muscat, filwaqt li fakkar illi l-applikazzjoni biex jiftaħ dan il-bank partikolari saret taħt Gvern Nazzjonalista qal li dak li jdejjqu huwa li isem malta jiżżeffen fin-nofs għalxejn.
Huwa qal li mhux xogħol il-Gvern imma huwa xogħol ir-regolatur li jiddeċiedi dwar liċenzji ta’ banke, bħall-Pilatus.
'Nħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu' - Partit Laburista
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista sostna li "l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, l-ewwel qal fuq twitter li l-Prim Ministru għandu jirtira l-liċenzja tal-bank Pilatus, imbagħad meta staqsewh il-ġurnalisti kellu jammetti li l-Prim Ministru m’għandu ebda poter li jagħmel dan.F’pajjiżna għandna istituzzjonijiet li jaħdmu indipendentament mill-gvern u li jirregolaw l-istituzzjonijiet finanzjarji f'pajjiżna," sostna l-PL.
"Ta' min ifakkar li dan il-bank beda l-applikazzjoni tiegħu fi żmien Gvern Nazzjonalista, tant li kien eks Ministru tal-istess gvern li ħajru jiġi hawn," kompla jgħid il-PL b'referenza wkoll għal storja li kienet ħarġet fuq il-gazzetta ILLUM illi żvelat kif l-applikazzjoni tal-Bank Pilatus inbdiet minn Gvern Nazzjonalista. .
"Dan kollu u kliem Delia nnifsu iġib fix-xejn l-ispin li qed jipprova joħloq il-PN. F’pajjiż fejn tirrenja r-rule of law għandna nħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu."