Diskoteki ffullati: Ksur sfaċċat tal-liġijiet
Sid ta’ stabbiliment f’Paceville jitkellem mal-ILLUM u jgħid li ħafna mil-liġijiet mhux qed ikunu osservati...
minn Liam Carter
Riċerka u eżerċizzju li għamlet din il-gazzetta fil-ġimgħat li għaddew stabbilixxiet li numru kbir ta’ diskoteki mhumiex konformi mal-liġi attwali fuq diversi binarji, fosthom fuq il-kapaċità ta’ kemm jiflaħ nies post tad-divertiment.
Dan kien ikkonfermat minn diversi nies li fil-fatt jiffrekwentaw iż-żona kif ukoll sid ta’ stabbiliment ewlieni li mal-ILLUM sostna li “din il-liġi ftit jew xejn qed tkun imħarsa riżultat ta’ nuqqas ta’ infurzar.”
Suppost, dawn il-postijiet tad-divertiment isegwu l-istruzzjonijiet li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), timponi meta toħroġ il-liċenzji sabiex ikunu jistgħu joperaw. Ma’ kull liċenzja li toħroġ l-MTA tistipola b'mod ċar l-akbar numru ta’persuni li jistgħu jiddaħħlu fil-post. Skont ir-regolamenti ta’ standards tad-diskoteki u bars din il-figura trid titpoġġa fuq plakka fid-dħul tal-istabbiliment. Skont eżerċizzju li għamlet l-ILLUM huma ftit il-postijiet li għandhom din il-plakka fid-dħul tal-istabbiliment.
Is-sid ta’ stabbiliment f’Paceville stqarr ma’ din il-gazzetta li din is-sitwazzjoni hi kaġun ta’ “irresponsabbiltà minn ċertu sidien ta’ stabbilimenti f’Paceville” però insista mill-ewwel ukoll li din is-sitwazzjoni mhix ristretta biss għan-‘nightlife’. Imma anke għall-postijiet oħra u avvenimenti li jattiraw il-massa tan-nies, bħal mass meetings politiċi.
Hu kompla jispjega kif skontu “ħafna mis-sidien tal-istabbilimenti ma jirrispetawx dawn ir-regolamenti u jipperikolaw lill-klijenti tagħhom. Hemm ħafna sidien li jieħdu l-opportunità u jibqgħu jdaħħlu n-nies sabiex jġibu lura dak li jkunu tilfu f’ġurnata oħra,” temm jgħid b’mod skjett is-sid.
X’tgħid il-liġi?
Skont il-liġi li tirregola l-postijiet tad-divertiment f’Malta bl-isem ta’ “Biex jinżamm il-bon ordni f’lokalitajiet ta’ Divertiment”, il-postijiet tad-divertiment bħal, diskoteki, bars u pubs irridu b’mod ċar jistipulaw l-akbar numru ta’persuni li jistgħu jiddaħħlu fil-post. Dan in-numru għandu b’mod ċar jiġi muri fid-daħla ta’ dawn it-tip ta’ postijiet. Skont din il-liġi meta n-numru ta’ persuni f’dawn it-tip ta’ postijiet, jeċċedi l-akbar numru stipulat fil-liċenzja, il-proprjetarju jkun ħati ta’ reat u jistgħu jeħlu multa ta’ €1,250 għal kull persuna li tinsab żejda ġewwa.
Multa ħoxna wkoll f’każ li jkun hemm minuri fid-diskoteki
L-istess multa tapplika f’każ li persuni ta’ taħt l-età ta’ 17-il sena li jinstabu ġewwa dawn il-postijiet. Skont il-liġi persuni taħt is-17-il sena jistgħu jidħlu ġewwa biss jekk il-proprjetarju japplika għall-permess biex iħallihom jidħlu. Dan il-permess joħroġ biss fuq il-kundizzjoni li nbejjed, birer u xorb alkoħoliku ma jiġux murija, servuti, mibjugħa jew ikkunsmati f’ dawn il-postijiet.
Skont l-istess liġi kull proprjetarju li jonqos milli jħares dawn ir-regolamenti huwa ħati ta’ reat u meta jinstab ħati għandu jeħel multa ta’ €1,250 għal kull persuna taħt l-età ta’ 17-il sena li tinstab ġewwa. Apparti minn hekk, il-proprjetaru jista’ wkoll jeħel sospenzjoni tal-liċenzja għall-perjodu ta’ sebat ijiem konsekuttivi.
Il-liġi u ż-żfin...
Skont l-istess liġi msemmija hawn fuq, l-ebda persuna ma tista’ b’xi mod jew ieħor tostakola xi naħa mid-‘dance floor.’
Faċilitajiet sanitarji
Fuq nota differenti u pjuttost surreali, skont ir-regolamenti dwar stabbilimenti li jipprovdu l-ikel li taħtha jaqgħu wkoll l-bars u diskoteki, fit-toilets tad-diskoteki rrid jkun hemm xkupilja f’kull gabinett, sanitizer għall-istelirizzar tas-seat tat-toilet, sapun fuq l-ixkaffa u kif ukoll mera b’dawl adegwat.
Ilbies xieraq u t-tipjip ġewwa l-clubs
Skont il-liġi ħadd ma jista’ jitħalla jidħol f’post ta’ divertiment jew kunċert jekk ma jkunx liebes xieraq għas-sodisfazzjoni tal-proprjetarju.
Apparti minn hekk skont l-istess liġi li tħares ukoll fuq it-tipjip, dan ma jistax isir fil-wisgħa riservati għaż-żfin kif ukoll ill-proprjetarju jista’ jippermetti li jsir tipjip f’dak l-ispazju li jkun miftuħ u mhux imsaqqaf. Dawk il-persuni li jiġu misjuba ħatja li jiksru l-projbizzjoni tat-tipjip jeħlu multa ta' €233.