'L-art f'Bulebel għadha taħt theddida' - PD

Il-Partit Demokratiku jirreaġixxi għal dak żvelat mill-gazzetta ILLUM li għadu mhux irtirat l-avviż ta' żgumbrament lil 10 bdiewa f'Bulebel

Il-Partit Demokratiku saħaq li 157,000 metru kwadru ta’ art agrikola f’Bulebel għadha taħt theddida.

Dan wara li nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM żvelat kif l-avviż ta’ żgumbrament lil madwar 10 bdiewa fiż-żona ta’ Bulebel għadu ma ġiex irtirat u lanqas ingħatat direzzjoni Ministerjali lil Malta Industrial Parks (MIP) biex dan isir.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku fakkar li kien talab li din il-kwistjoni tkun diskussa fil-Kumitat Parlamentari Permanenti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp u insista li meta kienu ħafna dawk li opponew l-iżvilupp, il-Gvern kien ħa pass lura u qal li l-proġett ippjanat mhux se jseħħ.

Iżda, wara dak żvelat mill-gazzetta ILLUM, il-Partit Demokratiku saħaq li din iż-żona għadha mhedda.

Il-Gvern kien saħaq li sab alternattiva biex din l-art ta’ valur agrikolu għoli ma tinbeniex u minkejja li issa għaddew tliet ġimgħat mid-deċiżjoni tal-Gvern, il-bdiewa xorta għadhom imdendlin u ma jafux jekk hux se jibqgħu jaħdmu l-art.

Fil-Parlament, il-Ministru Chris Cardona, għall-Mistoqsijiet Parlamentari tad-Deputat Godfrey Farrugia, ma weġibx b’mod dirett dwar jekk dan l-avviż kienx irtirat.

Minflok, Cardona fakkar li ladarba xi ħadd ma jkollux titlu fuq l-art, dan qed jokkupa art tal-Gvern illegalment. Kompla jgħid li ladarba l-Gvern iddeċieda li ż-żona, inkluż Wied iż-Żrinġ, għandhom valur ambjentali u storiku, jiena fl-opinjoni tiegħi, naħseb li l-art għandha tkun landscaped, bħal parks li hemm f’postijiet oħrajn fil-każ tal-afforestazzjoni.”

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Demokratiku saħaq li l-Gvern mhux veru għandu għall-qalbu l-ambjent u saħaq li t-tkabbir ekonomiku mhux biżżejjed biex jassigura l-bennesri tal-poplu.

L-art u l-bdiewa f'Bulebel telgħu fuq nett tal-aġenda tal-pajjiż, hekk kif rapporti u filmati tas-sit Illum.com.mt wasslu għal ħafna kritika u anke pressjoni biex din tiġi salvata u bviex il-bdiewa ma jitkeċċewx minn art li ilhom jaħdmu, jikkuraw u jiżirgħu għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

More in Politika