Qorti Taljana ordnat is-sekwestru ta’ €363 miljun mill-Bank of Valletta.
Il-każ huwa dwar il-kumpanija marittima Deiulemar li kienet falliet fl-2012 u kien għad fadlilha tħallas mat-€800 miljun. Hu mifhum li s-sidien għandhom trust ta' €363 miljun fil-Bank of Valletta.
Il-BOV tista’ tappella minn din id-deċiżjoni.
Il-każ kontra l-Bank of Valletta kien infetaħ minn likwidaturi tal-kumpanija u anke minn rappreżentanti ta’ 13,000 il-persuna li kellhom bond ma’ din il-kumpanija u spiċċaw tilfu kollox.
F’Lulju tal-2014, seba’ membri tat-tliet familji li kienu waqqfu din il-kumpanija kienu ntbagħtu sa 17-il sena ħabs wara li ġew akkużati bi tranżazzjonijiet finanzjarji illegali wara li fallew.
Fost oħrajn, huma kienu nstabu ħatja wkoll li ttrasferew l-assi tagħhom fi trusts f’Malta, l-Iżvizzera u fil-British Virgin Islands, bil-għan li jaħbuhom mill-kredituri u mill-investituri li baqgħu b’xejn.